Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

L-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mill-avjazzjoni internazzjonali żdiedu b'aktar mid-doppju matul l-aħħar għoxrin sena, u dawk mit-trasport marittimu żdiedu wkoll.

Għalkemm l-avjazzjoni u t-tbaħħir internazzjonali kull wieħed minnhom jirrappreżenta anqas minn 3.5 % tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-UE, dawn kienu l-aktar sorsi li kabbru b'rata mgħaġġla l-emissjonijiet li jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima.


Dan seħħ prinċipalment minħabba li t-traffiku kiber sew b'riżultat ta' żieda fl-għadd ta' passiġġieri u fil-volum tal-kummerċ. Dawn is-setturi reċentement ukoll saru parti mill-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak globali.


F'riżoluzzjoni adottata qabel is-summit dwar il-klima tal-COP25, il-Parlament Ewropew appella għal ambizzjoni akbar fit-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni u t-tbaħħir, pereżempju bit-tisħiħ ta' miżuri bbażati fuq is-suq bil-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra.


Skopri aktar fatti u ċifri dwar it-tibdil fil-klima.

Infographic on transport emissions, including aviation and shipping, as share of the EU’s total greenhouse gas emissions  

Is-sorsi ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra li l-iktar qed jikbru malajr


L-emissjonijiet mill-avjazzjoni u t-tbaħħir internazzjonali żdiedu bi kważi 130 % u 32 % rispettivament matul l-aħħar għoxrin sena. Dan kien l-ikbar tkabbir fis-settur kollu tat-trasport – l-uniku settur li mill-1990 ra żieda fl-emissjonijiet.


Minkejja t-titjib fil-konsum tal-fjuwil, fl-2050 l-emissjonijiet mill-ajruplani huma mistennija li jkunu minn 7 sa 10 darbiet ogħla mil-livelli tal-1990, filwaqt li l-emissjonijiet mill-bastimenti huma mistennija li jiżdiedu bi 50 % għal 250 %.

Infographic on the evolution of greenhouse gas emissions by sector, including aviation and shipping  

Żieda fit-traffiku tal-ajru u dak marittimu


L-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mill-avjazzjoni u t-tbaħħir fil-biċċa l-kbira tagħhom kienu kkawżati mit-tkabbir fit-traffiku. L-għadd ta' passiġġieri bl-ajru fl-UE ttriplika mill-1993 u l-volum tal-kummerċ marittimu internazzjonali żdied b'mod sinifikanti matul dawn l-aħħar għoxrin sena.


It-tħassib ambjentali li qed jikber jista' jwassal biex aktar nies joqogħdu attenti għall-impronta tal-karbonju li jħalli l-mezz ta' trasport tagħhom. Skont stħarriġ tal-Ewrobarometru s'issa ftit aktar minn wieħed minn kull għaxra jiddikkjaraw li jagħmlu dan..Skopri l-ammont ta' CO2 li tarmi t-titjira tiegħek.

Infographic on the evolution of greenhouse gas emissions by sector, including aviation and shipping  

X'passi ttieħdu biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet mill-avjazzjoni u t-tbaħħir?


L-UE ħadet passi biex tnaqqas l-emissjonijiet mill-avjazzjoni permezz tal-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet tagħha. Barra minn hekk, il-Parlament irid li s-settur marittimu jkun inkluż f'din is-sistema. Illum, skont ir-regoli tal-UE u dawk globali, is-sidien ta' bastimenti kbar huma obbligati li jipprovdu informazzjoni dwar l-emissjonijiet tas-CO2 mill-bastimenti tagħhom kif ukoll dwar il-konsum tal-fjuwil.


L-Unjoni Ewropea qiegħda taħdem ukoll mal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali sabiex timplimenta miżura globali bbażata fuq is-suq, magħrufa bħala Corsia, fejn il-linji tal-ajru jistgħu jpaċu l-emissjonijiet tagħhom billi jinvestu fi proġetti ekoloġiċi, pereżempju billi jħawlu s-siġar.