Il-protezzjoni tad-dakkara: dak li jrid jagħmel il-Parlament (filmat)

L-MEPs iridu jwaqqfu t-tnaqqis fl-għadd tan-naħal u ta' insetti oħra dakkara fl-UE u jridu aktar miżuri biex jipproteġu d-diversità tal-ispeċijiet tad-dakkara.

Il-Parlament qed jappella lill-UE biex taħdem aktar dwar insetti pollinaturi

Bil-popolazzjonijiet tad-dakkara li dejjem qed jonqsu fl-Ewropa u f'partijiet oħra tad-dinja, il-Parlament Ewropew talab ripetutament lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi aktar azzjoni ħalli tipproteġi aħjar in-naħal u insetti oħra tad-dakra fl-Ewropa.

F'Ġunju 2018, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-Inizjattiva tal-UE dwar id-dakkara. L-istrateġija tal-Kummissjoni tipproponi miżuri biex jiġi indirizzat dan it-tnaqqis fl-għadd li qed jhedded l-ekosistemi u l-ekonomiji tagħna, filwaqt li tidentifika l-protezzjoni tad-diversità, in-nuqqas ta' riċerka u l-għarfien bħala l-oqsma ewlenin ta' azzjoni meħtieġa.

Riżoluzzjoni approvata mill-Parlament fit-18 ta' Diċembru tikkritika l-miżuri proposti bħala insuffiċjenti biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tat-tnaqqis fl-għadd tad-dakkara, inkluż it-tibdil fil-klima, il-biedja intensiva u t-telf ta' ħabitats. Hija tappella lill-Kummissjoni biex tevalwa l-impatt tal-miżuri ta' politika eżistenti bil-ħsieb li tiżgura azzjonijiet aktar effettivi u mmirati fil-livell tal-UE b'rispons għat-tnaqqis fl-għadd tad-dakkara selvaġġi.

Skopri x'inhuma d-dakkara, x'inhu l-impatt ekonomiku tagħhom u għaliex qed jonqsu.


It-tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi huwa essenzjali biex jiġu protetti d-dakkara

L-impatt tal-pestiċidi fuq id-dakkara jirriżulta mit-tossiċità tas-sustanza attiva u l-livell ta' esponiment. Biex tiġi promossa l-bijodiversità tal-pjanti u jingħata kontribut għas-sigurtà tal-ikel, it-tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi għandu jsir prijorità ewlenija fl-iżvilupp tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) futura, jistqarru l-MEPs.

F'April 2018, l-UE qablet li tirrestrinġi l-użu fuq barra ta' tliet pestiċidi neonicotinojdi (imidacloprid, clothianidin u thiamethoxam) wara li ntwera li kienu ta' riskju kbir għan-naħal. Madankollu bosta stati taw notifika ta' derogi ta' emerġenza rigward l-użu ta' dawn tal-aħħar fit-territorju tagħhom.

Sabiex jiġu protetti aħjar l-insetti selvaġġi li jdakkru, l-MEPs jinsistu dwar miri obbligatorji ta' tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi fl-UE kollha u jappellaw lill-Kummissjoni biex toħroġ b'liġijiet li jipprojbixxu l-produzzjoni, il-bejgħ u l-użu tal-pestiċidi kollha li huma bażati fuq in-neonikotinojdi fl-UE.

"Għandna bżonn b'mod partikolari li niddiskutu l-proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi... Hemm nuqqasijiet kbar ħafna. Issa wasal iż-żmien li l-Kummissjoni tagħti r-riżultati."
Martin Häusling (Verts/ALE, il-Ġermanja)
Ko-rapporteur għar-riżoluzzjoni tal-PE

Aktar riċerka u monitoraġġ aħjar tat-tnaqqis fl-għadd tad-dakkara

Filwaqt li hemm evidenza sostanzjali li turi tnaqqis allarmanti fl-għadd tad-dakkara u wara li t-theddidiet ewlenin għad-dakkara ġew identifikati, għad hemm lakuni konsiderevoli fl-għarfien filwaqt li l-livell sħiħ tat-tnaqqis fl-għadd mhuwiex magħruf. Sabiex tinkiseb l-istampa sħiħa tal-problema u tinġabar id-data meħtieġa, l-MEPs qed jitolbu aktar fondi għar-riċerka dwar il-kawżi tat-tnaqqis fl-għadd tan-naħal kif ukoll il-monitoraġġ tal-ispeċijiet u l-popolazzjonijiet tad-dakkara fl-UE. L-MEPs jaqblu wkoll mal-iżvilupp ta' pestiċidi b'livell baxx ta' riskju li ma jagħmlux ħsara lid-dakkara.