Nifhmu d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa: definizzjoni u kawżi  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

©Shutterstock.com/Delpixel  

In-nisa li jaħdmu fl-UE jaqilgħu medja ta' 16 % inqas fis-siegħa mill-irġiel. Skopri kif din id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa hija kkalkulata u r-raġunijiet warajha.

Minkejja li l-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali kien diġà ġie introdott fit-Trattat ta' Ruma fl-1957, l-hekk imsejħa differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa għadha tippersisti, fejn sar biss ftit titjib matul dawn l-aħħar għaxar snin.

Il-Parlament Ewropew talab b'mod konsistenti għal aktar azzjoni biex jitnaqqas id-distakk u se jerġa' jqajjem il-kwistjoni f'dibattitu fil-plenarju nhar it-Tnejn 13 ta' Jannar.

X'inhi d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa? U kif tiġi kkalkulata?

Id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa hija d-differenza fi dħul gross medju fis-siegħa bejn in-nisa u l-irġiel. Hija bbażata fuq il-pagi mħallsa direttament lill-impjegati qabel ma jitnaqqsu t-taxxa fuq id-dħul u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Fil-kalkoli jiġu kkunsidrati biss kumpaniji ta' għaxar impjegati jew aktar.

Meta tiġi kkalkulata b'dan il-mod, id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa ma tqisx il-fatturi differenti kollha li jista' jkollhom rwol, pereżempju l-edukazzjoni, is-sigħat maħduma, it-tip ta' xogħol, il-waqfien mill-karriera jew ix-xogħol part-time. Iżda turi li madwar l-UE, b'mod ġenerali, in-nisa jaqilgħu inqas mill-irġiel.

Id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa fl-UE

Madwar l-UE, id-differenza bejn il-pagi hija differenti ħafna , u hija l-ogħla fl-Estonja (25.6 %), ir-Repubblika Ċeka (21.1 %), il-Ġermanja (21 %), ir-Renju Unit (20.8 %), l-Awstrija (19.9 %) u s-Slovakkja (19.8 %) fl-2017. L-aktar numri baxxi jinsabu fis-Slovenja (8 %), il-Polonja (7.2 %), il-Belġju (6 %), l-Italja u l-Lussemburgu (5 % kull wieħed) u r-Rumanija (3.5 %).

Il-paga ugwali hija rregolata minn direttiva tal-UE iżda l-Parlament Ewropew talab bosta drabi għar-reviżjoni tagħha u għal aktar miżuri. Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea ħabbret li se jkunu qed jaħdmu fuq strateġija Ewropea ġdida dwar il-ġeneri u miżuri ta' trasparenza fil-pagi vinkolanti.

Skopri aktar dwar x'jagħmel il-Parlament għall-ugwaljanza bejn is-sessi

Għaliex hemm differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa?

L-interpretazzjoni tan-numri mhijiex sempliċi daqs kemm tidher, peress li differenza iżgħar bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa f'pajjiż speċifiku ma tfissirx neċessarjament aktar ugwaljanza bejn is-sessi. F'xi pajjiżi tal-UE, differenzi iżgħar fil-pagi għandhom it-tendenza li jkunu nisa b'inqas impjiegi mħallsa. Differenzi kbar għandhom it-tendenza li jkunu relatati ma' proporzjon għoli ta' nisa li jaħdmu part-time jew li jkunu kkonċentrati f'numru ristrett ta' professjonijiet.

Bħala medja, in-nisa jqattgħu aktar sigħat jaħdmu bla ħlas (il-kura tat-tfal jew ix-xogħol tad-dar) u l-irġiel aktar sigħat ta' xogħol imħallas: 8.7 % biss tal-irġiel fl-UE jaħdmu part-time, filwaqt li kważi terz tan-nisa fl-UE (31.3 %) jaħdmu part-time. B'kollox, in-nisa jaħdmu aktar sigħat fil-ġimgħa mill-irġiel.

Għalhekk, in-nisa mhux biss jaqilgħu anqas fis-siegħa, iżda jqattgħu inqas sigħat f'xogħol imħallas u inqas nisa huma impjegati mill-irġiel. Dawn il-fatturi kollha flimkien iġibu d-differenza fid-dħul globali bejn l-irġiel u n-nisa għal kważi 40 % (għall-2014).

Barra minn hekk, aktarx li n-nisa jkunu dawk li jkollhom waqfien fil-karriera u wħud mill-għażliet tal-karriera tagħhom huma influwenzati minn responsabbiltajiet ta' indukrar u tal-familja.

Madwar 30 % tad-differenza totali bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa tista' tiġi spjegata minn rappreżentazzjoni żejda ta' nisa f'setturi b'pagi relattivament baxxi, bħalma huma l-indukrar, il-bejgħ jew l-edukazzjoni. Għad hemm impjiegi bħal fis-setturi tax-xjenza, it-teknoloġija u l-inġinerija fejn il-proporzjon ta' impjegati rġiel huwa għoli ħafna (b'aktar minn 80 %).

In-nisa għandhom ukoll inqas karigi eżekuttivi: inqas minn 6.9 % tas-CEOs tal-kumpaniji ewlenin huma nisa. Id-data tal-Eurostat turi li jekk inħarsu lejn id-differenza f'diversi impjiegi, il-maniġers nisa jinsabu fl-akbar żvantaġġ: jaqilgħu 23 % anqas fis-siegħa mill-maniġers rġiel.

Iżda n-nisa xorta għadhom iħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni pura fuq il-post tax-xogħol, bħal pereżempju li jitħallsu anqas minn kollegi rġiel li jaħdmu fl-istess kategoriji ta' xogħol jew li jiffaċċjaw dimozzjoni wara li jirritornaw mil-leave tal-maternità.

Benefiċċji tat-tnaqqis tad-distakk

Wieħed jista' jara wkoll li d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa qiegħda tikber bl-età - tul il-karriera u flimkien maż-żieda fid-domanda tal-familja - filwaqt li hija pjuttost baxxa meta n-nisa jidħlu fis-suq tax-xogħol. B'inqas flus biex ifaddlu u jinvestu, dan id-distakk jakkumula u konsegwentement in-nisa jinsabu f'riskju ogħla ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali f'età akbar (id-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel kienet ta' madwar 36 % fl-2017).

Il-paga ugwali mhijiex biss kwistjoni ta' ġustizzja, iżda wkoll tagħti spinta lill-ekonomija billi n-nisa jaqilgħu iktar biex jonfqu aktar. Dan iżid il-bażi għat-taxxa u jtaffi ftit mill-piż fuq is-sistemi ta' protezzjoni soċjali. Il-valutazzjonijiet juru li tnaqqis ta' 1 % fit-tnaqqis tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa jirriżulta f'żieda fil-prodott domestiku gross ta' 0.1 %.