Id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi fl-Ewropa: fatti u ċifri (infografika)

Skopri dwar l-inugwaljanzi ekonomiċi li għadhom jippersistu bejn in-nisa u l-irġiel fl-UE.

Illustrazzjoni ta' mara u raġel jitilgħu muntanja.
Illustrazzjoni ta' mara u raġel jitilgħu muntanja.

Għaddew aktar minn 25 sena mill-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Beijing tan-NU, li għandha l-għan li tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. L-istess skop wassal għall-ħolqien ta' UN Women – iddedikata għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa – u l-inklużjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli.

 

Fejn ninsabu bħalissa? Sar progress, iżda l-inugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa għadha tippersisti, inkluż fis-suq tax-xogħol. Bħala medja, in-nisa fl-UE jitħallsu inqas mill-irġiel.

 

Aqra aktar dwar dak li qed jagħmel il-Parlament biex inaqqas id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri

Nifhmu d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri

  • Id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri hija d-differenza fil-pagi medji bejn l-irġiel u n-nisa
  • Id-differenza mhux aġġustata fil-pagi bejn il-ġeneri hija d-differenza bejn il-qligħ gross medju fis-siegħa tal-irġiel u n-nisa espress bħala perċentwal tad-dħul tal-irġiel. Ma jitqisux l-edukazzjoni, l-età, is-sigħat maħduma jew it-tip ta’ impjieg

Kemm hija kbira d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi fl-UE?

 

In-nisa fl-UE jaqilgħu medja ta’ kważi 12.7 % inqas fis-siegħa mill-irġiel. Hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri: fl-2021, l-akbar differenza fil-pagi bejn il-ġeneri ġiet irrġistrata fl-Estonja (20.5 %), filwaqt li l-pajjiż tal-UE bl-inqas differenza fil-pagi bejn il-ġeneri kien ir-Rumanija (-3.6 %). Il-Lussemburgu għalaq id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri.

Infografika dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri skont il-pajjiż tal-UE.
Infografika dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri skont il-pajjiż tal-UE.

Differenza iżgħar bejn il-ġeneri fil-pagi ma tfissirx neċessarjament aktar ugwaljanza bejn il-ġeneri. Ħafna drabi dan jiġri f'pajjiżi b'rata ta' impjieg tan-nisa aktar baxxa. Differenza bejn il-pagi kbira tista' tindika li n-nisa huma aktar ikkonċentrati f'setturi b'paga baxxa jew li proporzjon sinifikanti minnhom jaħdmu part-time.

 

Aqra dwar il-ġlieda tal-Parlament għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE

 

In-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol

 

Ir-raġunijiet tad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi mhumiex sempliċi – jeħtieġ li jitqiesu ħafna fatturi. Din hija marbuta ma' ħafna aktar mill-kwistjoni ta' paga ugwali għal xogħol ugwali.

 

Skopri aktar dwar il-kawżi tad-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri

Għalkemm aktar nisa milli rġiel itemmu l-edukazzjoni għolja fl-UE, dawn huma rappreżentati anqas fis-suq tax-xogħol. Skont iċ-ċifri tal-2022, kważi terz tan-nisa (28 %) jaħdmu part-time meta mqabbla ma’ 8 % tal-irġiel u huma ħafna aktar probabbli li jieqfu mix-xogħol biex jieħdu ħsieb it-tfal u l-qraba.

 

Id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi tiżdied mal-età – din tista' tkun riżultat ta' interruzzjonijiet fil-karriera tan-nisa, għalkemm dawn ix-xejriet ivarjaw bejn il-pajjiżi. Din iż-żieda tvarja wkoll skont l-industrija, u fl-2021 kienet ogħla fis-settur privat milli fis-settur pubbliku fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE.

 

Raġuni importanti għad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi hija li għadd kbir ta' nisa jaħdmu f'setturi fejn il-pagi huma relattivament baxxi filwaqt li n-nisa ftit huma rappreżentati f'setturi b'pagi ogħla. Pereżempju, bħala medja fl-2021, in-nisa kellhom 34% tal-pożizzjonijiet maniġerjali fl-UE u 41% tal-pożizzjonijiet fis-setturi tax-xjenza u l-inġinerija

 

Id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi tfisser li n-nisa huma f'riskju ogħla ta' faqar f'età avvanzata. Fl-2021, in-nisa fl-UE ta' 'l fuq minn 65 sena rċevew pensjonijiet li bħala medja kienu 28.3% aktar baxxi mill-pensjonijiet tal-irġiel. Is-sitwazzjoni bejn l-Istati Membri hija differenti hawnhekk ukoll – minn diskrepanza fil-pensjonijiet ta' 41.5% f'Malta għal 0.1% fl-Estonja.

L-azzjonijiet tal-Parlament kontra d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri

 

F'Diċembru 2022, in-negozjaturi mill-Parlament u l-pajjiżi tal-UE qablu li l-kumpaniji tal-UE se jkunu meħtieġa jiżvelaw informazzjoni li tagħmilha aktar faċli li jitqabblu s-salarji għal dawk li jaħdmu għall-istess impjegatur, u jgħin biex jikxef id-differenzi fil-pagi bejn il-ġeneri.

 

F’Marzu 2023, il-Parlament adotta dawk ir-regoli l-ġodda dwar miżuri vinkolanti ta’ trasparenza fil-pagi. Jekk ir-rappurtar juri differenza fil-pagi bejn il-ġeneri ta’ mill-inqas 5 %, l-impjegaturi se jkollhom iwettqu valutazzjoni konġunta tal-pagi f’kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Il-pajjiżi tal-UE se jkollhom jimponu penali, bħal multi, għal impjegaturi li jiksru r-regoli. L-avviżi ta’ postijiet battala u t-titoli tax-xogħol iridu jkunu newtrali fir-rigward tal-ġeneru.

 

Il-Kunsill għad irid japprova formalment il-ftehim biex ir-regoli jidħlu fis-seħħ.