Kif neliminaw id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa (video) 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Qabel il-Jum Internazzjonali tan-Nisa fit-8 ta' Marzu, skopri kif il-Parlament Ewropew qed jaħdem biex inaqqas id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa.

Għalkemm l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija waħda mill-prinċipji li fuqhom inbniet l-UE u l-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali ġie introdott 60 sena ilu, in-nisa fl-UE għadhom jitħallsu kważi 15% inqas fil-medja kull siegħa mill-irġiel.


Dan, il-Parlament Ewropew irid jibdlu – f'riżoluzzjoni tat-30 ta' Jannar, il-Membri tal-PE stiednu lill-Kummissjoni tipproponi strateġija ambizzjuża dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, inklużi miżuri li jindirizzaw id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa.


Il-Kummissjoni Ewropea mistennija tippreżenta Strateġija dwar Ugwaljanza bejn is-Sessi f'Marzu. Hija qalet li l-paga ugwali għal xogħol ugwali se tkun il-pedament tal-istrateġija.


Soluzzjonijiet għal paga ugwali: miri vinkolanti u miżuri ta' trasparenza


Il-Parlament irid dispożizzjonijiet vinkolanti dwar id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u dwar it-trasparenza fil-pagi, li japplikaw għas-setturi pubbliċi u privati, infurzar qawwi, miri ċari u monitoraġġ biex jitkejjel il-progress.


Il-Membri tal-PE jridu wkoll li l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa jiġi rivedut sa tmiem l-2020 u li dan jinkludi miri ċari għall-pajjiżi tal-UE biex inaqqsu d-differenza tul il-ħames snin li ġejjin.


Nindirizzaw il-kawżi fil-fond tal-paga inugwali


Sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, li hija waħda mir-raġunijiet għad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, il-Membri tal-PE qed jitolbu investiment akbar fl-edukazzjoni bikrija, fis-servizzi tal-kura u f'arranġamenti tax-xogħol aktar favur il-familji.


Huma jridu wkoll jinkoraġġixxu lin-nisa sabiex ikollhom impjiegi b'pagi aħjar permezz ta' serje ta' miżuri: il-promozzjoni tas-suġġetti xjentifiċi u teknoloġiċi għall-bniet fl-iskejjel, l-inkoraġġiment ta' imprendituri nisa u l-possibbiltà ta' tagħlim tul il-ħajja.


Innaqqsu d-differenzi fil-pensjonijiet


Biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi, li bħala medja huma darbtejn ogħla mid-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa fl-UE, il-Membri tal-PE qed jissuġġerixxu miżuri li jinkludu l-introduzzjoni ta' krediti għall-kura u pensjonijiet minimi.