Il-COVID-19: it-tisħiħ tal-kapaċità tar-rispons tal-UE għall-emerġenzi 

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

L-UE qed issaħħaħ il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tagħha biex tirrispondi b'mod effettiv għall-emerġenzi, inklużi dawk mediċi bħall-pandemija tal-COVID-19.

Il-fond jgħin lill-pajjiżi tal-UE jirrispondu għall-emerġenzi u d-diżastri. Ġie attivat biex jgħin f'każ ta' terremoti, nirien, għargħar u jiġbor it-tagħmir mediku meħtieġ biex jiġġieled il-COVID-19. .

Ara l-kronoloġija tal-miżuri tal-UE biex tiġġieled il-COVID-19 u l-impatt tagħha.

Bil-għan li jimtlew il-lakuni żvelati mill-pandemija, il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili qed jiġi mġedded.

F'vot fis-27 ta' April 2021, il-Parlament Ewropew ikkonferma l-qbil tiegħu mal-Kunsill li jiżgura €3,319 biljun għall-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili mill-baġit fit-tul tal-2021-2027 u mill-Istrument ta' Rkupru tal-UE. Biex l-għajnuna titqassam aktar malajr, il-Kummissjoni se tkun tista' takkwista r-riżorsi b'mod dirett fl-ambitu tar-RescEU. Il-Parlament żgura wkoll riżorsi suffiċjenti għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons.

Mekkaniżmu tad-difiża tal-UE biex jiġu salvati l-ħajjiet

Mill-ħolqien tiegħu fl-2001, il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, sistema kollaborattiva ta' għajnuna reċiproka, ġie attivat aktar minn 420 darba biex jirrispondi għad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha, bħan-nirien tal-foresti, l-għargħar, it-tniġġis tal-baħar, it-terremoti, l-uragani, l-inċidenti industrijali u emerġenzi oħrajn, inklużi l-kriżijiet tas-saħħa.

Matul it-tifqigħa attwali tal-coronavirus, il-Mekkaniżmu ntuża biex jgħin lill-Istati Membri u lis-sistemi tas-saħħa nazzjonali, billi jikkoordina t-twassil ta' provvisti mediċi ta' emerġenza u tagħmir ta' protezzjoni personali fl-Ewropa u madwar id-dinja. Għen ukoll fir-ripatrijazzjoni ta' aktar minn 90,000 ċittadin tal-UE lejn l-Ewropa minn madwar id-dinja kollha.

Tisħiħ tal-kapaċità ta' rispons ta' emerġenza

Meta pajjiż tal-UE jiġi dahru mal-ħajt minħabba diżastru, jista' jitlob għajnuna permezz tal-Mekkaniżmu. Il-Kummissjoni tikkoordina r-rispons u tkopri mill-inqas 75 % tal-ispejjeż tat-trasport u dawk operattivi.

Fl-2019, l-UE żviluppat riżerva Ewropea ġdida ta' kapaċitajiet addizzjonali msejħa RescEU biex tassisti b'mod dirett meta r-riżorsi użati mill-Istati Membri ma jkunux biżżejjed.

F'nofs Marzu 2020, matul it-tifqigħa tal-pandemija, il-ħżin mediku ġie inkluż ukoll bħala parti minn RescEU biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiffaċċjaw nuqqas ta' tagħmir. Ir-regoli appoġġjati mill-Parlament jippermettu lill-UE tkopri sa 100 % tal-fondi meħtieġa għall-użu tal-kapaċità RescEU, li għandha tiġi ospitata minn Stat Membru wieħed jew aktar.

Mill-inqas EUR 1.4 biljun meħtieġa għall-ġestjoni tad-diżastri tal-UE