Il-Parlament Ewropew lest jagħmel il-parti tiegħu biex intaffu l-impatt tal-Covid-19
Il-Parlament Ewropew huwa kommess li jgħin lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jilqgħu għall-coronavirus u jindirizzaw l-impatt soċjoekonomiku tat-tifqigħa.
L-appoġġ tal-Parlament
Il-Parlament adotta tliet proposti biex jgħin lin-nies u lin-negozji jindirizzaw il-kriżi f'sessjoni plenarja straordinarja fis-26 ta' Marzu. Il-miżuri li ġew approvati huma:
- L-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus: €37 biljun minn fondi disponibbli tal-UE se jingħaddu lill-persuni, ir-reġjuni u l-pajjiżi l-aktar milquta mill-pandemija. Il-fondi se jsostnu sistemi tal-kura tas-saħħa, ditti żgħar u ta' daqs medju, swieq tax-xogħol u partijiet vulnerabbli oħra tal-ekonomiji tal-pajjiżi tal-UE.
- It-twessigħ tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE biex ikopri emerġenzi tas-saħħa pubblika. Il-miżuri se jqiegħdu sa €800 miljun għad-dispożizzjoni tal-pajjiżi Ewropej fl-2020.
- Sospensjoni temporanja tar-regoli tal-UE dwar slots tal-ajruporti. B'din is-sospensjoni, il-linji tal-ajru ma jibqgħux jagħmlu titjiriet vojta tul il-pandemija.
Il-Parlament adotta miżuri addizzjonali fis-sessjoni plenarja straordinarja tas-16 u s-17 ta' April:
- Flessibbiltà massima biex il-fondi strutturali tal-UE li għadhom ma ntużawx jiġu utilizzati fil-ġlieda kontra l-impatt tal-COVID-19 fuq in-nies
- Appoġġ imsaħħaħ għas-sajjieda, il-ħaddiema tal-akkwakultura u l-produtturi agroalimentari
- Il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn se jkompli jagħti assistenza fejn l-aktar hi meħtieġa
Barra minn hekk, il-MPE ivvotaw favur pjanijiet biex jilliberaw aktar minn EUR 3 biljun ħalli jappoġġjaw is-sistemi tal-kura tas-saħħa fil-pajjiżi tal-UE u adottaw riżoluzzjoni li titlob pakkett ta' rkupru massiv u Fond ta' Solidarjetà għall-Coronavirus.
Il-proposti adottati mill-Parlament huma parti mir-rispons koordinat tal-UE kontra l-impatt tal-pandemija tal-coronavirus, stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea fit-13 ta' Marzu.
Il-President tal-Parlament David Sassoli laqa' l-miżuri li l-Kummissjoni ħabbret biex tindirizza l-Covid-19.
Il-President Sassoli qal li l-Parlament kien impenja ruħu li japprova dawn il-miżuri bla dewmien.
"Il-Covid-19 ifisser li kulħadd għandu l-obbligu jkun responsabbli u kawt. Dan huwa mument delikat għalina lkoll. Il-Parlament se jibqa' jaħdem biex jaqdi dmirijietu. L-ebda virus ma jista' jwaqqaf id-demokrazija."
Strateġija tal-UE biex timmaniġġja t-tifqigħa
Il-Kummissjoni tipproponi miżuri biex:
- Niżguraw li s-sistemi tas-saħħa jkollhom il-provvisti li jeħtieġu billi nżommu sħaħ l-integrità tas-Suq Uniku u l-ktajjen tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni.
- Insostnu lin-nies biex id-dħul u l-impjiegi tagħhom ma jintlaqtux b'mod sproporzjonat u biex ma nħallux li l-kriżi tħalli effetti permanenti;
- Insostnu l-impriżi u niżguraw li l-likwidità tas-settur finanzjarju tkun tista' tkompli tirfed l-ekonomija
- Inħallu lill-Istati Membri tal-UE jaġixxu b'mod deċiżiv u koordinat, inkluż permezz ta' rilassament tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat u l-miżuri ta' appoġġ.