L-azzjoni tal-UE għall-vaċċini u l-kura tal-COVID-19 

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Hekk kif id-dinja qed tissielet biex trażżan il-pandemija tal-coronavirus, l-UE qed tappoġġja l-isforzi biex jiġu żviluppati u użati l-vaċċini.

Fondi ta' riċerka tal-UE għall-ġlieda kontra l-coronavirus  

L-UE ħarġet b'rispons ikkoordinat biex tgħin tindirizza l-kriżi attwali. Il-finanzjament ta' proġetti ta' riċerka u innovazzjoni biex tinstab kura għall-COVID-19 huwa parti vitali ta' dak il-pjan.

L-UE u l-Istati Membri tagħha qed jikkooperaw mill-qrib sabiex vaċċini u mediċini sikuri, effettivi u ta' kwalità għolja kontra t-tixrid tal-COVID‑19 ikunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq malajr kemm jista' jkun, inklużi proċeduri regolatorji aċċellerati.

Il-Membri tal-PE faħħru l-isforzi tal-UE biex tappoġġa r-riċerka u l-awtorizzazzjoni rapida ta' vaċċini sikuri, iżda ripetutament enfasizzaw il-ħtieġa ta' solidarjetà tal-UE u globali, aktar trasparenza fir-rigward tal-kuntratti tal-vaċċini u l-konsenji tal-vaċċini. Huma jiddiskutu regolarment ma' esperti kwistjonijiet bħall-effikaċja tal-vaċċini għall-varjanti ġodda tal-COVID.


Ir-riċerka u l-vaċċini


L-UE investiet ħafna fir-riċerka mill-bidu tat-tifqigħa: Mijiet ta' miljuni ta' euro ġew mobilizzati fi proġetti ta' riċerka dwar il-coronavirus permezz tal-programm Orizzont 2020 tal-UE. Ingħataw għotjiet lil proġetti li jvarjaw mid-dijanjostika, it-trattamenti, il-vaċċini, l-epidemjoloġija u t-tħejjija u r-rispons għall-imġiba u s-soċjoekonomija, il-manifattura u t-teknoloġiji mediċi u diġitali.

Bħala parti mill-Istrateġija tal-UE dwar il-Vaċċini tal-COVID-19 tagħha, il-Kummissjoni Ewropea laħqet ftehimiet ma' sitt kumpaniji farmaċewtiċi – AstraZeneca, Sanofi-GSK, Johnson & Johnson, BioNTech-Pfizer, CureVac and Moderna - li ppermettew lill-Istati Membri jixtru vaċċini hekk kif dawn jingħataw l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq.

Wara r-rakkomandazzjoni xjentifika pożittiva mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, il-Kummissjoni Ewropea s'issa tat erba' awtorizzazzjonijiet kondizzjonali għat-tqegħid fis-suq:

Dan witta t-triq biex il-pajjiżi tal-UE bdew it-tilqim fis-27 ta' Diċembru.

Il-Kummissjoni kienet ħejjiet lista ta' passi importanti li l-Istati Membri għandhom jieħdu biex ikunu lesti jiddistribwixxu u jużaw malajr il-vaċċini, bħala parti minn miżuri addizzjonali biex jgħinu jrażżnu t-tixrid tal-virus u biex isalvaw il-ħajjiet. Dawn jinkludu wkoll it-titjib tal-kondiviżjoni tad-data fil-livell tal-UE u rakkomandazzjonijiet dwar strateġiji ta' ttestjar aktar effettivi u rapidi kif ukoll il-mobilizzazzjoni ta' €100 miljun fil-qafas tal-Istrument għall-Appoġġ ta' Emerġenza biex jinxtraw direttament testijiet rapidi tal-antiġeni u biex dawn jingħataw lill-Istati Membri.

Filwaqt li siltet tagħlimiet mill-kriżi attwali, fil-25 ta' Novembru, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat strateġija farmaċewtika tal-UE ġdida biex l-UE ssir aktar reżiljenti fil-futur. Fid-9 ta' Marzu l-Parlament Ewropew adotta l-programm il-ġdid EU4Health għall-2021-2027 biex isaħħaħ is-sistemi tas-saħħa tal-Ewropa kontra kriżijiet futuri.

Aġenzija Ewropea għall-Mediċini 
  • • Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq: l-iżviluppaturi tal-vaċċini jissottomettu r-riżultati tal-ittestjar kollu lill-awtoritajiet regolatorji tal-mediċini fl-Ewropa  
  • • L-esperti mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini jwettqu evalwazzjoni xjentifika tal-vaċċini  
  • • Bis-saħħa tat-Task force għall-pandemija tal-aġenzija, il-pajjiżi tal-UE u l-Kummissjoni jieħdu azzjoni regolatorja rapida u kkoordinata dwar l-iżvilupp, is-sikurezza u l-monitoraġġ tat-trattamenti u l-vaċċini tal-COVID-19  
  • • Il-Kummissjoni Ewropea tirrevedi l-opinjoni xjentifika tal-aġenzija u tagħti awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq fl-UE kollha  
  • • L-awtoritajiet nazzjonali jiddeċiedu dwar l-introduzzjoni tal-vaċċini approvati u dwar il-politiki tat-tilqim  

Programmi diġà fis-seħħ


Ġew immobilizzati wkoll għadd ta' mekkaniżmi eżistenti ta' finanzjament ta' riċerka u emerġenza biex jindirizzaw il-kriżijiet tas-saħħa pubblika. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, Prepare, li huwa proġett li jappoġġja t-tħejjija ta' sptarijiet fl-Ewropa u li jtejjeb il-fehim tagħhom tad-dinamiċi tat-tifqigħa, u l-European Virus Archive, kollezzjoni virtwali ta' viruses li tipprovdi materjal għar-riċerkaturi biex tgħinhom fid-dijanjosijiet.

L-UE qed tappoġġja wkoll lin-negozji ġodda u lill-impriżi żgħar fl-iżvilupp ta' teknoloġija li tista' tkun ta' għajnuna fl-indirizzar tat-tifqigħa, inkluż proġett għal unitajiet speċjalizzati ta' iżolament bl-isem ta' EpiShuttle, u teknoloġija ta' filtrazzjoni tal-arja biex jitneħħew il-partiċelli virali msejħa m-Tap.

Skopri x'qed tagħmel l-UE biex tgħin lill-Ewropa terġa' tqum fuq saqajha wara l-effetti ekonomiċi devastanti li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19