Id-diżinformazzjoni: kif tagħraf u tindirizza l-miti dwar il-Covid-19

It-tifqigħa tal-coronavirus wasslet għal diżinformazzjoni li ttellef l-isforzi biex titrażżan il-pandemija. Kompli aqra biex issib x'tista' tagħmel.

Mid-dikjarazzjoni oriġinali li l-virus infirex permezz tas-soppa tal-friefet il-lejl, għal rapporti jaħarqu ta' pajjiżi tal-UE jiġġieldu kontra xulxin minħabba provvisti ta' tagħmir mediku li qed jonqsu, dawn id-dikjarazzjonijiet jinsabu kullimkien.


L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li d-dikjarazzjonijiet foloz "qed jinfirxu aktar malajr mill-virus" u li diġà ddefiniet din is-sitwazzjoni bħala "infodemija enormi". Il-pjattaformi online ewlenin diġà qed jaħdmu biex jillimitaw il-firxa tagħhom.


Kif tista' tirrikonoxxi d-diżinformazzjoni u kif tista' tgħin biex twaqqafha milli tinfirex? X'qiegħda tagħmel l-UE f'dan ir-rigward? Sib it-tweġibiet fit-taqsima tal-Mistoqsija & Tweġiba tagħna.

In these days of stress about coronavirus is easy to fall into a fake news about COVID-19. Better to check before sharing it ! ©Mirko/Adobe Stock
©Mirko/Adobe Stock

X'qiegħda tagħmel l-UE biex tindirizza d-diżinformazzjoni?

Biex tappoġġa informazzjoni fattwali u affidabbli, hemm paġna konġunta tal-UE dwar ir-rispons tal-Ewropa għall-virus, li dalwaqt se tkun tinkludi informazzjoni speċjali biex tikkoreġi miti komuni marbuta mat-tifqigħa.


Barra minn hekk, esperti u politiċi mill-UE u l-Istati Membri tagħha regolarment jorganizzaw konferenzi vidjow biex jiddiskutu d-diżinformazzjoni u metodi ta' kondiviżjoni biex jinfurmaw lin-nies dwar ir-riskji, u kif jindirizzawhom. Fuq il-pjattaformi online, hemm ukoll pressjoni biex tittieħed azzjoni kontra l-iscams online.


Għaliex in-nies joħorġu informazzjoni falza deliberatament?

Uħud minnhom jagħmluha għal qligħ. Jista' jkun biex ibigħu prodotti li ma jaħdmux jew biex jattiraw aktar viżitaturi lejn il-paġni web tagħhom, b'tali mod li jżidu d-dħul mir-reklami.


Skont rapport tat-tim speċjali tal-UE kontra d-diżinformazzjoni, uħud mid-dikjarazzjonijiet foloz oriġinaw minn forzi politiċi speċjali, inklużi iċ-Ċina u r-Russja. F'dawn il-każijiet, l-għan huwa politiku, li jdgħajjef l-Unjoni Ewropea jew li joħloq ċaqliq politiku.


Madankollu, ħafna persuni li jxerrdu d-diżinformazzjoni jagħmlu dan għax tassew jemmnuha, mingħajr l-intenzjoni ta' ħsara.


Skopri l-verità wara ħafna miti popolari dwar il-coronavirus f'dan il-blogg


Id-diżinformazzjoni dwar il-Covid-19 hija daqshekk perikoluża?

Fi żmien meta ħafna nies huma mħassba u qed jirċievu aħbarijiet xokkanti, huwa aktar diffiċli li wieħed jibqa' kalm u jivverifika l-fatti kif meħtieġ.


Fil-passat, informazzjoni żbaljata dwar il-vaċċini wasslet biex ġenituri ma laqqmux lit-tfal tagħhom kontra l-ħosba u mard ieħor perikoluż, u dan wassal għal splużjoni f'każijiet ġodda tal-ħosba.


Anke jekk in-nies ma jemmnux il-miżinformazzjoni, dan jista' jdgħajjef il-kunċetti tal-verità u l-għarfien, b'tali mod li tweet spontanja minn xi ħadd mingħajr ħjiel tispiċċa tingħata importanza daqslikieku kienet analiżi bir-reqqa minn espert.


X'nista' nagħmel biex nipprevjeni t-tixrid tad-diżinformazzjoni?

Id-diżinformazzjoni tiddependi fuq kemm in-nies jemmnuha u l-kondiviżjoni tagħha. U wieħed faċilment jiġi ingannat. Biex tkun ċert li ma xxerridx id-diżinformazzjoni, oqgħod attent ħafna meta tikkondividi aħbar li toħloq reazzjoni qawwija jew li tidher wisq tajba jew wisq ħażina biex tkun vera. L-ewwel verifika faċli hija li wieħed ifittex fuq l-internet biex jara jekk hemmx aktar minn sors wieħed affidabbli li jirrapporta dwar l-istess ħaġa.


Jekk m'intix ċert, hemm barra jeżistu ħafna gwidi ta' verifika tal-fatti.


X'nista' nagħmel jekk nara jew nisma' lil xi ħadd jikkondividi diżinformazzjoni?

Tista' tirrapporta d-diżinformazzjoni lill-pjattaforma tal-midja soċjali fejn sibtha. Ħafna kumpaniji tal-midja soċjali impenjaw ruħhom jaħdmu kontra d-diżinformazzjoni relatata mal-coronavirus.


Barra minn hekk, tkellem mal-persuna li qed ixerridha: aktarx ma kinitx intenzjonata. Ir-riċerkaturi jgħidu li l-aħjar mod kif nikkonvinċu n-nies li jemmnu f'teoriji ta' kospirazzjoni huwa li nuru empatija, nappellaw lill-ħsieb kritiku tal-persuna u nevitaw li nirridikolawhom.


Għal aktar informazzjoni