Covid19: €3 biljun f'appoġġ ta' emerġenza għas-sistemi nazzjonali tas-saħħa

Fis-17 ta' April il-Parlament ivvota biex jadotta malajr miżuri ġodda li jimmobilizzaw €3 biljun f'appoġġ immirat għas-sistemi tas-saħħa fir-reġjuni tal-UE l-aktar milquta mill-kriżi corona.

Is-setturi tas-saħħa tal-Ewropa jinsabu taħt pressjoni estrema minħabba t-tifqigħa tal-Covid19. L-UE qed timmobilizza €3.08 biljun addizzjonali biex tappoġġja s-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa fil-ġlieda kontra l-pandemija u tipprovdi servizzi mediċi lill-pazjenti fil-bżonn.

L-inizjattiva sservi biex tikkoordina d-distribuzzjoni tar-riżorsi u l-kooperazzjoni transfruntiera, b'enfasi fuq ir-reġjuni l-aktar milquta. Hija se tgħin fil-bini ta' sptarijiet fuq il-post u tikkoordina u tappoġġja finanzjarjament it-trasportazzjoni tal-pazjenti infettati bil-Corona lejn sptarijiet li għandhom sodod disponibbli. Il-flus se jintużaw ukoll biex b'mod dirett jinxtraw u jiġu distribwiti provvisti mediċi bħal respiraturi, tagħmir protettiv u maskri li jistgħu jerġgħu jintużaw. Huma possibbli azzjonijiet oħra skont il-ħtiġijiet tal-pajjiżi tal-UE.

Fuq medda itwal ta' żmien, il-fondi se jtejbu l-kapaċitajiet tal-ittestjar fil-pajjiżi tal-UE u r-riċerka medika.

Il-fondi jiġu minn kull mezz disponibbli li jifdal fil-baġit ta' din is-sena.

  • €2.7 biljun se jmorru għall-Istrument għall-Appoġġ ta' Emerġenza tal-UE
  • €380 miljun se jmorru għar-riżerva ta' tagħmir mediku tar-"rescEU"

L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu wkoll finanzjarjament u ċ-ċittadini jew il-fondazzjonijiet jistgħu jagħmlu donazzjonijiet. Huwa possibbli wkoll li jkun hemm finanzjament kollettiv (crowd-funding).

Coronavirus disease (COVID-19) outbreak in Paris ©Benoit Tessier/Reuters/Adobe Stock
©Benoit Tessier/Reuters/Adobe Stock

X'inhu l-Istrument għall-Appoġġ ta' Emerġenza tal-UE?

  • għodda maħluqa f'Marzu 2016 li tista' tiġi attivata biex jiġu miġġielda kriżijiet ħorox b'impatt umanitarju sinifikanti fejn l-ebda strument ieħor ma jkun biżżejjed
  • jippermetti l-assistenza immedjata tal-UE
  • jippromwovi l-komplementarjetà għall-azzjonijiet tal-Istati Membri milquta u s-sinerġiji ma' azzjonijiet iffinanzjati taħt fondi u strumenti oħra tal-UE
  • attivat diġà biex jgħin fl-indirizzar tal-influss tar-rifuġjati fil-Greċja
  • il-KE tipproponi li jiġi attivat għal sentejn biex jgħin fl-emerġenza tal-coronavirus

Task force esperta se timmonitorja l-iżviluppi li għaddejjin f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-NGOs. L-operazzjonijiet se jibdew hekk kif il-Parlament u l-Kunsill jagħtu l-approvazzjoni tagħhom.

X'inhi rescEU?

  • Riżerva Ewropea, maħluqa f'Marzu 2019, bħala parti mill-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE, biex tgħin meta r-riżorsi tal-Istati Membri ma jkunux biżżejjed
  • inizjalment kienet tinkludi flotta ta' ajruplani tat-tifi tan-nar u ħelikopters. Wara l-Covid19, hija ħażnet ammont ta' tagħmir mediku, bħal ventilaturi u maskri protettivi, biex tgħin lill-pajjiżi b'nuqqas tagħhom