Il-kriżi tal-Corona: niżguraw għajnuna u protezzjoni għal min hu l-aktar fil-bżonn

Biex jiżgura li l-aktar nies vulnerabbli jibqgħu jingħataw l-għajnuna li jeħtieġu, il-Parlament adotta bidliet fir-regoli dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn.

Niżguraw għajnuna u protezzjoni għal min hu l-aktar fil-bżonn

Il-kriżi tal-COVID-19 tfisser li hemm sfidi x'jingħelbu biex l-għajnuna tasal għand l-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetajiet tagħna. Biex jipproteġi aħjar il-persuni fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, li jiddependu fuq ħaddieħor għall-għajnuna, u biex jiżgura li dan is-sostenn jibqa' jingħata fi żmien ta' tbegħid soċjali, il-Parlament approva bidliet fir-regoli għall-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn fis-17 ta' April 2020.

L-awtoritajiet nazzjonali se jkunu jistgħu jaġġustaw l-iskemi ta' għajnuna tagħhom biex inaqqsu r-riskju ta' kontaminazzjoni. L-għajnuna tal-ikel u l-assistenza materjali bażika, pereżempju, jistgħu jingħataw permezz ta' kupuni elettroniċi, jew kupuni ta' kull xorta. Fejn ikun meħtieġ, min ikun qed jagħti l-għajnuna għandu jiġi pprovdut bit-tagħmir protettiv meħtieġ.

Il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD)

  • Il-fond inħoloq fl-2014 biex itaffi l-agħar forom ta' faqar fl-UE: il-faqar fost it-tfal, u nies li jbatu l-privazzjoni tal-ikel jew ma jkollhomx saqaf fuq rashom
  • Il-fond mhux biss jipprovdi affarijiet essenzjali għal min ikun fil-bżonn, ikel u oġġetti bażiċi bħal ħwejjeġ, żraben u prodotti iġjeniċi, iżda wkoll jippromwovi l-inklużjoni soċjali permezz ta' appoġġ psikoloġiku, korsijiet tal-lingwa eċċ
  • L-assistenza mill-FEAD tgħaddi minn organizzazzjonijiet sħab u tadatta ruħha għall-ħtiġijiet lokali, hekk li l-Istati Membri jiddefinixxu l-prijoritajiet tagħhom. F'Malta l-FEAD jikkontribwixxi EUR 3.9 miljun fil-ġlieda kontra l-privazzjoni tal-ikel.
  • Il-kontribuzzjoni tal-UE għall-FEAD għas-snin 2014-2020 tilħaq aktar minn EUR 3.8 biljun L-Istati Membri jikkofinanzjaw tal-anqas 15% tal-ispejjeż tal-programmi tagħhom

Skont il-bidliet maqbula mill-Parlament, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jitolbu kofinanzjament 100 % mill-baġit tal-UE għas-sena finanzjarja 2020-2021.

Skopri x'miżuri diġà ħadet l-UE biex tiġġieled il-pandemija.