L-impatt ekonomiku tal-Covid-19: €100 biljun biex in-nies jinżammu f'impjiegi

L-Unjoni Ewropea se tipprovdi appoġġ finanzjarju addizzjonali lill-Istati Membri biex jipproteġu l-impjiegi u l-ħaddiema li ntlaqtu mill-pandemija tal-coronavirus.

An empty office de to coronavirus out-brake ©Prostock-studio/AdobeStock
©Prostock-studio/AdobeStock

Bosta negozji qed jesperjenzaw diffikultajiet ekonomiċi bħala riżultat tal-kriżi tal-COVID-19, u kellhom temporanjament jissospendu jew inaqqsu sostanzjalment l-attivitajiet tagħhom u l-ħinijiet tax-xogħol tal-persunal tagħhom. Bħala pass li jikkomplementa l-isforzi nazzjonali biex jiġu protetti l-impjiegi, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet strument temporanju ġdid li jismu SURE (Strument Ewropew għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza) sabiex tappoġġja lil min iħaddem u tipproteġi lill-ħaddiema u lill-persuni li jaħdmu għal rashom milli jitilfu l-impjiegi jew l-introjtu tagħhom. Dan l-istrument ġie attivat fit-22 ta' Settembru 2020.

 

L-inizjattiva hija parti minn sett ta' miżuri tal-UE biex jgħinu lill-Istati Membri jindirizzaw il-pandemija tal-coronavirus.

 

Skopri x'miżuri oħra ħadet l-UE biex tikkumbatti l-pandemija.

Il-protezzjoni tal-impjiegi matul il-kriżi

Matul il-kriżi, l-UE tista' tipprovdi assistenza finanzjarja skont il-programm SURE fil-forma ta' self mogħti b'termini favorevoli lill-pajjiżi tal-UE li jitolbu appoġġ. L-assistenza tkun tiffinanzja skemi nazzjonali ta' xogħol b'ħinijiet iqsar, benefiċċji tal-qgħad u miżuri simili ta' protezzjoni tal-impjiegi. Sa €100 biljun huma disponibbli għas-27 Stat Membru kollha. Fil-25 ta' Settembru, il-Kunsill approva appoġġ finanzjarju ta' €87.4 biljun lil 16-il Stat Membru. L-Istati Membri li għadhom ma għamlux talbiet formali għal appoġġ xorta jistgħu jagħmlu dan.

L-iskemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar jippermettu lill-kumpaniji u lin-negozji li jiffaċċjaw diffikultajiet ekonomiċi biex temporanjament inaqqsu s-sigħat maħduma mill-impjegati tagħhom, li mbagħad jirċievu kumpens għat-telf tal-introjtu mill-Istat Membru.

Dan jippermetti lill-familji jżommu l-introjtu tagħhom u jkomplu jħallsu l-kontijiet tagħhom, filwaqt li d-ditti u l-intrapriżi jkunu jistgħu jipproteġu l-kapaċità tal-produzzjoni u l-impjegati, u b'hekk tiġi żgurata l-istabbiltà tas-suq. Fuq perjodu ta' żmien itwal, l-iskemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar jistgħu jimpedixxu konsegwenzi aktar gravi fuq l-ekonomija u jgħinu lin-negozji jirkupraw aktar malajr wara l-kriżi.

Hija u tilqa' t-twaqqif ta' SURE u tistieden lill-Istati Membri jimplimentawh malajr, Lucia Ďuriš Nicholsonová (ECR, Slovakkja), President tal-Kumitat tal-Impjiegi qalet: "Hija espressjoni importanti ta' solidarjetà tal-UE u strument utli biex jittaffew l-effetti soċjoekonomiċi tal-kriżi tal-Covid-19. Billi jappoġġja skemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar u miżuri simili, SURE se jgħin lill-kumpaniji li qed jesperjenzaw diffikultajiet ekonomiċi sabiex iżommu lin-nies fl-impjiegi."

Is-soluzzjoni tal-UE biex tappoġġja l-impjiegi

Filwaqt li SURE huwa strument temporanju mfassal speċifikament biex jindirizza l-konsegwenzi tal-pandemija tal-coronavirus, il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem ukoll fuq proposta ġdida għal Skema Ewropea ta' Riassigurazzjoni tal-Qgħad biex tappoġġja l-impjiegi u tipproteġi lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom minħabba xokkijiet ekonomiċi.

Il-Parlament Ewropew qal li skema ta' benefiċċju tal-qgħad bażiku bħal din tikkontribwixxi direttament għall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu tal-unitajiet domestiċi, u b'hekk tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa. F'riżoluzzjoni adottata fis-17 ta' April, il-Membri tal-Parlament Ewropew tennew it-talba tagħhom għal Skema Ewropea ta' Riassigurazzjoni tal-Qgħad permanenti biex ikun żgurat li l-ħaddiema fl-Ewropa jkunu protetti minn telf ta' introjtu.

Skema Ewropea futura ta' Riassigurazzjoni tal-Benefiċċju tal-Qgħad għandha l-għan li tnaqqas il-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri, billi tipprovdi appoġġ għal miżuri nazzjonali biex jiġu ppreservati l-impjiegi u l-ħiliet u biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lura lejn ix-xogħol. Il-Kummissjoni hija mistennija tippreżenta l-proposta tagħha aktar tard din is-sena.

Skopri aktar x'inhi tagħmel l-UE biex tnaqqas il-qgħad u tiġġieled il-faqar.