It-tniġġis tat-tajers: tnaqqis tal-emissjonijiet b'tikketti ġodda tal-UE tat-tajers

Tajers aktar effiċjenti jfissru inqas emissjonijiet. It-tikketti ġodda tat-tajers proposti tal-UE se jgħinuk tagħżel abbażi tal-effiċjenza fil-fjuwil, il-qbid fuq l-imxarrab u l-istorbju.

L-UE impenjat ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet tagħha ta' gassijiet serra b'tal-inqas 40 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2030 skont il-Ftehim ta' Pariġi. It-trasport bit-triq huwa responsabbli għal madwar 22 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE u t-trasport huwa l-uniku settur fejn l-emissjonijiet jibqgħu ogħla milli fl-1990. Sabiex tkun tista' tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050, l-UE trid tnaqqas l-emissjonijiet mit-trasport b'60 % sal-2050, meta mqabbla mal-livell tal-1990.

It-tajers jikkawżaw bejn 20 % u 30 % tal-konsum tal-fjuwil ta' vettura, li jfisser li għażla ta' tajers aktar effiċjenti fl-użu tal-fjuwil tista' tgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ikkawżati mit-trasport. Sabiex il-konsumaturi jiġu megħjuna jagħmlu deċiżjonijiet infurmati, l-UE qed tintroduċi skema ġdida ta' tikkettar għat-tajers.

Infographic on tyres emissions in the EU and the benefits of the new EU tyre labels
Infographic on tyres emissions in the EU and the benefits of the new EU tyre labels

Tikketti ġodda biex jgħinu lill-konsumaturi

       

It-tikketti jkunu jinkludu informazzjoni dwar l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u l-qbid fuq l-imxarrab, fuq skala minn A sa G (simili għat-tikkettar tal-enerġija użat għal apparat domestiku), kif ukoll informazzjoni dwar il-livell ta' storbju estern tagħhom, espress f'deċibels.

Fil-futur tista' tiżdied informazzjoni dwar il-qbid fuq il-borra u s-silġ, u informazzjoni dwar il-kilometraġġ u l-brix (responsabbli għat-tniġġis tal-mikoplastik) meta jsir disponibbli metodu ta' ttestjar.

It-tikketti jridu jkunu viżibbli b'mod ċar għall-konsumaturi, għandhom jintwerew fis-sitwazzjonijiet kollha fejn jinbiegħu t-tajers, inkluż online, u għandhom jipprovdu kodiċi QR għal skennjar faċli.

 

Benefiċċji tat-tikkettar il-ġdid tal-UE tat-tajers          


Tikketti ġodda tat-tajers se jippermettu lill-konsumaturi tal-UE jagħżlu tajers aktar effiċjenti fl-użu tal-fjuwil, u dan jista' jwassal għal iffrankar kbir għalihom f'termini ta' nfiq kif ukoll ta' inqas emissjonijiet. Is-sikurezza fit-toroq tissaħħaħ permezz ta' qbid aħjar fuq l-imxarrab u informazzjoni dwar il-livelli ta' storbju tgħin biex jitnaqqas it-tniġġis akustiku kkawżat mill-karozzi.

 

Il-passi li jmiss


Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE laħqu ftehim informali dwar l-iskema ta' tikkettar f'Novembru 2019. Il-Kunsill approva formalment ir-regoli fi Frar 2020 u l-Kumitat tal-industrija, ir-riċerka u l-enerġija tal-Parlament ivvota favurihom fit-28 ta' April. Il-Parlament kollu kemm hu jeħtieġlu japprova l-ftehim.



Aqra aktar dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet:

Ara artikli relatati