Il-pjan ta' rkupru tal-UE għall-Covid-19 se jagħti prijorità lill-klima [azzjoni]

Il-pjan ta' rkupru tal-UE għall-Covid-19 għandu l-għan li jistabbilixxi s-sisien għal Ewropa sostenibbli u newtrali għall-klima.

Għodwa kwieta fi triq vojta fl-Ewropa - Vilnius, il-Litwanja. ©PavloVakhrushev/AdobeStock
©PavloVakhrushev/AdobeStock

Il-kriżi tas-saħħa tal-Covid-19 u l-konsegwenzi ekonomiċi tagħha jibqgħu prijoritajiet għall-UE.

Biex tkampa mal-impatt immedjat tal-pandemija, is-sena l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet pjan ta' stimolu ekonomiku ta' EUR 750 biljun flimkien ma' proposta riveduta għall-baġit tal-UE għas-snin 2021-2027, wara talbiet mill-Parlament għal pakkett massiv ta' rkupru u rikostruzzjoni bil-Patt Ekoloġiku fil-qalba tiegħu biex tiġi stimulata l-ekonomija u jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima.


F'kompromess milħuq f'Novembru 2020, dwar il-baġit fit-tul tal-UE u l-pjan ta' rkupru, it-tim tan-negozjati tal-Parlament u l-Presidenza tal-Kunsill qablu li mill-inqas 30 % tan-nefqa għandu jintuża biex jiġu appoġġati objettivi tal-klima. B'mod parallel, 7.5 % tal-infiq annwali se jiġi allokat għall-bijodiversità mill-2024, u mill-2026'il quddiem, dan il-perċentwal jiżdied għal 10 %. Il-Parlament adotta l-baġit f'Diċembru 2020.


Il-pjan ta' Next Generation EU għall-varar mill-ġdid tal-ekonomiji tal-Ewropa għandu l-għan li jnaqqas l-impatt tal-pandemija u jagħmel futur sostenibbli aktar vijabbli, billi jalloka 30 % tal-baġit tal-UE għall-azzjoni klimatika.


Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika u t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u se tiżgura li l-pjanijiet nazzjonali jallokaw mill-inqas 37 % tal-baġit għall-klima u l-bijodiversità.

Bħala parti mill-baġit fit-tul tal-UE għas-snin 2021-2027 u f'konformità mal-isforzi ta' rkupru, l-UE se tiżgura li l-finanzjament għall-agrikoltura, Orizzont Ewropa, il-programm LIFE, il-Programm ta' Azzjoni Ambjentali, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-fondi reġjonali u ta' koeżjoni imur għal proġetti konformi mal-ambizzjonijiet klimatiċi tagħha.

Tgħallem aktar dwar il-progress tal-UE lejn l-għanijiet klimatiċi.


Nagħmlu n-newtralità klimatika legalment vinkolanti


Fit-28 ta' Novembru 2019, il-Parlament Ewropew iddikjara emerġenza klimatika u talab li l-liġijiet rilevanti kollha tal-UE jkunu konformi mal-għan li t-tisħin dinji jinżamm taħt il-1.5°C.

F'Diċembru 2019 il-Kummissjoni spjegat il-Patt Ekoloġiku, u f'Marzu 2020 dan ġie segwit bi proposta għal Liġi tal-UE dwar il-Klima biex l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050. Din se ssir legalment vinkolanti ladarba japprovawha l-Parlament u l-Kunsill. Il-Parlament talab miri aktar ambizzjużi ta' tnaqqis fl-emissjonijiet minn dawk proposti mill-Kummissjoni, biex jiġi żgurat li l-UE tkun tista' tilħaq l-għan.

F'Ottubru 2020, il-Parlament adotta l-mandat ta' negozjar tiegħu dwar il-Liġi tal-UE dwar il-klima, li jappoġġa l-għan tan-newtralità klimatika sal-2050 u mira ta' tnaqqis fl-emissjonijiet ta' 60 % sal-2030 meta mqabbel mal-livelli tal-1990 - aktar ambizzjuża mill-proposta tal-Kummissjoni ta' 55 % u mill-mira interim attwali ta' 40%.


Il-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim proviżorju biex iżidu l-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE għall-2030 minn 40% għal mill-inqas 55%. Il-Parlament adotta l-Liġi tal-UE dwar il-Klima fl-24 ta' Ġunju 2021. Il-mira tal-2030 u l-mira tan-newtralità klimatika għall-2050 se jkunu legalment vinkolanti, u se jqarrbu lill-UE lejn l-objettiv tagħha ta' emissjonijiet negattivi għal wara l-2050 u jikkonfermaw it-tmexxija tagħha fil-ġlieda dinjija kontra t-tibdil fil-klima, qabel il-COP26 f'Novembru 2021.



Ara l-kalenddarju tal-miżuri tal-UE għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima


Il-kuntest

Il-Patt Ekoloġiku, li ġie varat f'Novembru 2019, għandu l-għan li jagħmel l-ekonomija tal-UE sostenibbli. Il-Patt ikopri firxa wiesgħa ta' oqsma: mill-klima, l-agrikoltura u l-mobbiltà sal-protezzjoni tal-bijodiversità u t-tniġġis żero. Fost il-proposti konkreti li diġà tressqu mill-Kummissjoni nsibu:

Skopri 10 affarijiet li qed tagħmel l-UE għall-irkupru ekonomiku u ara d-dati u l-miżuri kollha tar-rispons koordinat tal-UE.