Covid-19: Appoġġ tal-UE għall-industrija tat-turiżmu

It-turiżmu huwa wieħed mis-setturi l-aktar affettwati mit-tifqigħa tal-Covid-19. L-UE kif qed tipproteġi lin-negozji, lill-ħaddiema u lill-passiġġieri?

Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar relatati mal-pandemija tal-coronavirus ġabu fix-xejn l-industrija tat-turiżmu, qasam ewlieni fl-ekonomija tal-UE. Id-dħul huwa mistenni li jinżel għal 50% għal-lukandi u r-ristoranti, 70% għall-operaturi tal-ġiti u għall-aġenziji tal-ivvjaġġar u 90% għall-kruċieri u l-linji tal-ajru. L-Ewropa hija responsabbli għal nofs il-wasliet tat-turisti fid-dinja u s-sitwazzjoni hija partikolarment iebsa għall-pajjiżi Ewropej li jiddependu mit-turiżmu, bħal Spanja, l-Italja, Franza u l-Greċja.

Fid-19 ta' Ġunju, il-Parlament ivvota fuq riżoluzzjoni dwar it-trasport u t-turiżmu fl-2020 li fiha talab aktar azzjoni biex jiġu appoġġjati l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u linja baġitarja apposta. Il-Membri tal-PE qalu li l-kriżi għandha titqies bħala opportunità biex jiġi mmodernizzat it-turiżmu fl-UE billi ssir ħaġa li tirrispetta l-ambjent u li tkun soċjalment responsabbli.


Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tan-Nazzjonijiet Uniti, mit-18 ta' April, 100% tad-destinazzjonijiet turistiċi dinjija introduċew restrizzjonijiet temporanji tal-ivvjaġġar bħala rispons għat-tifqigħa, li 75% minnhom kienu waqqfu kompletament it-turiżmu internazzjonali. Sadanittant il-pajjiżi tal-UE bdew inaqqsu r-restrizzjonijiet b'kawtela.


Ħafna vjaġġaturi batew biex marru lura d-dar filwaqt li n-negozji tat-turiżmu qed jiffaċċjaw problemi serji ta' likwidità, peress li ftit li xejn hemm prenotazzjonijiet ġodda u hemm numru kbir ta' talbiet għal rifużjonijiet wara l-kanċellazzjonijiet. Il-kumpaniji tal-ajru b'mod partikolari, jinsabu taħt pressjoni bla preċedent.

22-6 miljun

persuna jaħdmu fit-turiżmu tal-UE

L-appoġġ għall-industrija tat-turiżmu permezz tal-kriżi


In-negozji u l-ħaddiema mis-settur tat-turiżmu diġà jibbenefikaw minn miżuri tal-UE meħuda b'reazzjoni għall-kriżi Covid-19, inklużi l-appoġġ ta' likwidità, l-eżenzjonijiet fiskali u t-tnaqqis tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat, kif ukoll is-sospensjoni temporanja tar-regoli tal-UE dwar is-slots tal-ajruporti biex jiġu evitati titjiriet vojta.


Biex tipproteġi lill-vjaġġaturi, l-Unjoni Ewropea aġġornat il-linji gwida dwar id-drittijiet tal-passiġġieri u d-Direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar. Iffaċilitat ukoll ir-ripatrijazzjoni ta' għexieren ta' eluf ta' ċittadini Ewropej maqbuda barra mill-pajjiż, permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili. Il-miżuri tal-UE li jappoġġjaw l-industrija tat-turiżmu jikkomplementaw u jsaħħu mill-ġdid il-miżuri meħuda fil-livell nazzjonali.


Fit-13 ta' Mejju, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat linji gwida u rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar it-turiżmu u t-trasport biex tgħin lill-pajjiżi tal-UE jneħħu gradwalment ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, jerġgħu jdaħħlu s-servizzi tat-trasport u jiftħu mill-ġdid in-negozji tat-turiżmu. Approċċ komuni tal-UE se jgħin lis-settur jirkupra mill-kriżi attwali u jagħti lin-nies il-possibbiltà li jerġgħu jivvjaġġaw b'mod sikur.

Skopri aktar x'qed tagħmel l-UE fil-ġlieda kontra l-coronavirus

Is-settur tat-turiżmu tal-UE kollu kemm hu:

  • jikkontribwixxi għal 9.5% tal-PDG totali tal-UE
  • jammonta għal 11.2% tal-impjiegi fl-UE
  • għandu kważi 3 miljun negozju, li 90% minnhom huma SMEs

Il-Parlament jitlob għal aktar azzjoni biex tiġi salvata l-industrija tat-turiżmu


F'riżoluzzjoni li saret votazzjoni fuqha fis-17 ta' April, il-Membri tal-PE qalu li l-UE għandha tiżviluppa mekkaniżmu ta' prevenzjoni u ġestjoni biex jiġu protetti l-ħaddiema u l-kumpaniji fis-settur tat-turiżmu u tiġi żgurata s-sikurezza tal-passiġġieri.


Il-Kumitat tat-trasport u tat-turiżmu tal-Parlament ilu jinsisti minn Marzu dwar azzjoni tal-UE b'saħħitha u koordinata biex tingħeleb il-kriżi. Il-President tal-Kumitat, Karima Delli laqgħet il-pakkett tal-Kummissjoni dwar it-turiżmu u t-trasport tat-13 ta' Mejju u kkummentat "Huwa kruċjali li nassiguraw liċ-ċittadini li t-turiżmu u l-ivvjaġġar se jkunu possibbli u sikuri dis-sena. Għandna ninqdew b'din il-kriżi biex infasslu mill-ġdid it-turiżmu fl-UE kollha."


Fil-15 ta' Mejju, il-Parlament approva miżuri ta' sostenn għas-settur tat-trasport biex jiġu minimizzati l-effetti tal-pandemija fuq il-linji tal-ajru, il-ferroviji, it-toroq u l-kumpaniji marittimi.

Agħti ħarsa lejn il-kronoloġija tal-azzjoni tal-UE kontra l-Covid-19