Kif nippreservaw il-bijodiversità: Il-politika tal-UE  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Miljun speċi huma mhedda bl-estinzjoni mad-dinja kollha. Skopri x'qed tagħmel l-UE biex tippreserva l-bijodiversità.

A nearly extinct Iberian lynx  

Sabiex jiġu ppreservati l-ispeċijiet fil-periklu, l-UE tixtieq ittejjeb u tippreserva l-bijodiversità.


F'Jannar, il-Parlament talab Strateġija ambizzjuża tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 biex jiġu indirizzati l-fatturi ewlenin li jwasslu għat-telf tal-bijodiversità u jiġu stabbiliti miri legalment vinkolanti, inkluża l-konservazzjoni ta' mill-inqas 30% taż-żoni naturali u 10% tal-baġit fit-tul iddedikat għall-bijodiversità

Bi tweġiba, u bħala parti mill-Patt Ekoloġiku, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-istrateġija l-ġdida għall-2030 f'Mejju 2020.


Il-President tal-Kumitat ENVI Pascal Canfin laqa' l-impenn li jitnaqqas l-użu tal-pestiċidi b'50 % u li 25 % tal-prodotti agrikoli jkunu organiċi sal-2030 kif ukoll il-mira ta' konservazzjoni ta' 30 %, iżda qal li l-istrateġiji jridu jiġu trasformati f'liġi tal-UE u jiġu implimentati.

Skopri aktar dwar l-importanza tal-bijodiversità.

 

X'sar biex jitħarsu l-bijodiversità u l-ispeċijiet fil-periklu fl-Ewropa?

 

Bħalissa għaddejjin l-isforzi tal-UE biex titjieb il-bijodiversità skont l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2020 li ġiet introdotta fl-2010.

IL-FATTI: L-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2020



  • Id-Direttiva dwar il-Ħabitats tiżgura l-konservazzjoni ta' firxa wiesgħa ta' speċijiet ta' annimali u pjanti rari, mhedda jew endemiċi, inklużi madwar 200 tip ta' ħabitats rari u karatteristiċi

  • Natura 2000 huwa l-akbar network ta' żoni protetti fid-dinja, b'siti ewlenin ta' tnissil u ta' mistrieħ għal speċijiet rari u mhedda, u tipi ta' ħabitats naturali rari

  • L-Inizjattiva tal-UE dwar il-Pollinaturi għandha l-għan li tindirizza t-tnaqqis tal-pollinaturi fl-UE u tikkontribwixxi għal sforzi ta' konservazzjoni globali, filwaqt li tiffoka fuq it-titjib tal-għarfien dwar it-tnaqqis, l-indirizzar tal-kawżi u s-sensibilizzazzjoni *

Barra minn hekk, il-programm Ewropew LIFE salva lil-linċi tal-Iberja u lill-Ispanjulett żgħir tal-Bulgarija li kienu kważi estinti.


Tgħallem dwar speċijiet fil-periklu fl-Ewropa.

Il-valutazzjoni finali tal-istrateġija għall-2020 għad trid tiġi konkluża, iżda skont il-valutazzjoni ta' nofs it-terminu, approvata mill-Parlament, il-miri biex jipproteġu l-ispeċijiet u l-ħabitats, iżommu u jirkupraw l-ekosistemi u jagħmlu l-ibħra aktar f'saħħithom kienu qed jagħmlu progress, iżda kellhom jitħaffu.


L-objettiv li tiġi miġġielda l-invażjoni ta' speċijiet aljeni kien fit-triq it-tajba. F'kuntrast qawwi, il-kontribut tal-agrikoltura u tal-forestrija għaż-żamma u t-tisħiħ tal-bijodiversità ftit għamel progress.


In-network ta' Natura 2000 taż-żoni naturali protetti fl-Ewropa żdied b'mod sinifikanti matul dawn l-aħħar għaxar snin u issa jkopri aktar minn 18 % taż-żona tal-art tal-UE.


Bejn l-2008 u l-2018, in-network tal-baħar ta' Natura 2000 żdied b'aktar minn erba' darbiet u issa jkopri 360.000 km². Ħafna speċijiet ta' għasafar irreġistraw żidiet fil-popolazzjoni u l-istatus ta' ħafna speċijiet u ħabitats oħra tjieb b'mod sinifikanti.


Minkejja s-suċċessi tagħhom, dawn l-inizjattivi mhumiex biżżejjed biex ipattu għax-xejra negattiva. Il-fatturi ewlenin li jwasslu għat-telf tal-bijodiversità - it-telf u d-degradazzjoni tal-ħabitat, it-tniġġis, it-tibdil fil-klima u l-ispeċijiet aljeni invażivi - għadhom jippersistu u ħafna minnhom qed jiżdiedu, u għalhekk hemm bżonn li jsir sforz akbar.

 

L-istrateġija għall-bijodiversità għall-2030


Parti importanti tal-impenji tal-Patt Ekoloġiku tal-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen, il-Kummissjoni nediet l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030, biex tmur id f'id mal-Strateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" .


Għall-għaxar snin li ġejjin, l-UE se tiffoka fuq network tal-UE kollha ta' żoni protetti fuq l-art u fil-baħar, tieħu impenji konkreti biex jiġu rkuprati sistemi degradati, tippermetti l-bidla billi tagħmel l-miżuri fattibbli u vinkolanti u tieħu t-tmexxija f'idejha fl-indirizzar tal-bijodiversità fuq livell globali.


L-istrateġija l-ġdida tiddeskrivi l-ambizzjoni tal-UE għall-qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020 li għandu jiġi adottat fil-15-il Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika f'Ottubru 2020 fiċ-Ċina (posposta).


Ladarba tiġi adottata, il-Kummissjoni tippjana li tagħmel proposti konkreti sal-2021.


*F'Diċembru 2019, il-Membri tal-Parlament Ewropew ikkritikaw li l-Inizjattiva tal-UE dwar il-Pollinaturi mhijiex biżżejjed biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tat-tnaqqis.