Speċijiet fil-periklu fl-Ewropa - fatti u ċifri (infografika)

Miljun minn tmien miljun speċi madwar id-dinja huma mhedda bl-estinzjoni. Skopri liema u kemm-il speċi fl-Ewropa jinsabu fil-periklu jew huma estinti.

L-ispeċijiet fil-periklu huma pjanti u annimali li huma mhedda bl-estinzjoni. Dan huwa prinċipalment ikkawżat mit-telf u d-degradazzjoni tal-ħabitat, iżda wkoll, fost l-oħrajn, mit-tniġġis, it-tibdil fil-klima u l-ispeċijiet aljeni invażivi. Madankollu, il-bijodiversità hija fundamentali għal ekosistemi b'saħħithom u għall-ħajja umana.

Sabiex jiġu ppreservati l-ispeċijiet fil-periklu, il-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-"Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030:Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna" biex jindirizza l-ixprunaturi ewlenin tat-telf tal-bijodiversità u jistabbilixxi miri legalment vinkolanti.



B'segwitu tal-vot tal-Parlament dwar l-istrateġija għall-bijodiversità għall-2030 il-ġdida, tgħallem aktar dwar l-ispeċijiet fil-periklu u t-telf tal-bijodiversità fl-Ewropa.


 

Speċijiet fil-periklu fl-Ewropa


L-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) ħolqot Lista ħamra Ewropea ta' speċijiet fil-periklu sabiex tkun tista' tittieħed azzjoni li tipprova ssalvahom.

1,677 speċi

Skont l-IUCN, mill-inqas 1,677 speċi minn 15,060 speċi Ewropej huma mhedda bl-estinzjoni.

Mill-1,677 speċi Ewropej mhedda bl-estinzjoni, dawk l-aktar fil-periklu huma l-bebbux, il-gandoffli u l-ħut.


Aktar minn nofs is-siġar endemiċi tal-Ewropa, inklużi l-qastan salvaġġ, l-Heberdenia excelsa u l-horbus jinsabu fil-periklu, u madwar wieħed minn kull ħames anfibji u rettili jinsabu fil-periklu.


Il-volpi tal-artiku, il-mink Ewropew, il-bumerin tal-Mediterran, il-balena tat-Tramuntana u l-ors polari bħalissa huma fost il-mammiferi l-aktar fil-periklu fl-Ewropa.


Id-dakkara wkoll qed jonqsu. Waħda minn kull 10 speċijiet ta' naħal u friefet fl-Ewropa hija mhedda bl-estinzjoni.

Speċijiet fil-periklu fl-Ewropa - fatti u ċifri (infografika)
Il-Bijodiversità fl-Ewropa

Speċijiet estinti fl-Ewropa


Skont l-IUCN, mill-2015, 36 speċi saru estinti fl-Ewropa, inklużi ħafna ħut tal-ilma ħelu, diversi speċijiet oħra Coregonus (tip ta' salamun), il-molluski tal-ilma ħelu Graecoanatolica macedonica (bebbux żgħir tal-ilma ħelu uniku għal-Lag Dojran fil-Maċedonja), u Pensée de Cry - fjura vjola.


Mill-mammiferi, l-Aurochs (tip ta' bhejjem tal-ifrat selvaġġi kbar) u l-Pika Sarda – annimal li għandu mir-razza tal-fenek – saru estinti fis-seklu 17 u 18 rispettivament.


Hija meħtieġa aktar riċerka biex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni, b'mod partikolari tan-naħal, tal-mammiferi tal-baħar u tal-ħut fost oħrajn.