Il-benessri u l-protezzjoni tal-annimali Il-liġijiet tal-UE spjegati (filmati)

L-UE għandha wħud mill-ogħla standards fid-dinja għal dak li jikkonċerna l-benessri tal-annimali.

Cute close up of European wild cat
Close up of European wild cat - © AdobeStock/creativenature.nl

Skopri kif il-leġiżlazzjoni tipproteġi l-annimali mrobbija f'azjendi agrikoli, l-annimali tal-laboratorju, l-annimali selvaġġi u l-annimali domestiċi.

L-Unjoni Ewropea ilha aktar minn 40 sena taħdem favur il-benessri tal-annimali u hija ġeneralment meqjusa bħala mexxej globali, b'xi wħud mill-aħjar standards fid-dinja għal dak li jikkonċerna l-benessri tal-annimali . Ir-regoli tal-UE influwenzaw b'mod pożittiv ukoll il-leġiżlazzjoni f'pajjiżi terzi. Huma jikkonċernaw prinċipalment l-annimali tal-irziezet (fl-azjenda agrikola, waqt it-trasport u waqt il-qtil), iżda jikkonċernaw ukoll l-annimali selvaġġi, l-annimali tal-laboratorju u l-annimali domestiċi.



"[...] l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu konsiderazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet tal-benessri tal-annimali [...] bħala esseri sensibbli.”
L-Artikolu 13 tat-Titolu II tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

It-trattament xieraq tal-annimali

L-ewwel regoli tal-UE li jipproteġu l-annimali tal-irziezet imorru lura għas-snin 70. Id-Direttiva dwar il-ħarsien ta' annimali miżmuma għal skopijiet ta' biedja tal-1998 stabbiliet standards ġenerali għall-protezzjoni tal-annimali kollha miżmuma għall-produzzjoni tal-ikel, suf, ġilda, pil jew skopijiet oħra ta' biedja - inklużi l-ħut, ir-rettili u l-amfibji - u hija bbażata fuq il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Annimali li Jinżammu għal Skopijiet ta' Biedja tal-1978.

UE dwar il-benessri tal-annimali jirriflettu l-hekk imsejħa 5 tipi ta' ħelsien:

  • Ħelsien mill-ġuħ u mill-għatx;
  • Ħelsien mill-iskonfort;
  • Ħelsien mill-uġigħ, mit-tidrib jew mill-mard;
  • Ħelsien li jesprimu mġiba normali;
  • Ħelsien mill-biża' u mit-tbatija.

Ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni u l-benessri tal-annimali waqt it-trasport ġew approvati fl-2004. Madankollu, f'riżoluzzjoni adottata fl-14 ta' Frar 2019, il-Parlament appella għal infurzar aħjar, sanzjonijiet u tnaqqis fil-ħinijiet tal-ivvjaġġar.

L-appell tal-Parlament għal protezzjoni aħjar tal-annimali ttrasportati


Ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni u l-benessri tal-annimali waqt it-trasport ġew approvati fl-2004. Madankollu, f'riżoluzzjoni adottata fl-14 ta' Frar 2019, il-Parlament appella għal titjib fl-infurzar, sanzjonijiet u tnaqqis fil-ħinijiet tal-ivvjaġġar.

Fid-19 ta' Ġunju 2020, il-Membri tal-PE waqqfu kumitat ta' inkjesta biex jeżamina l-ksur allegat fl-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-benessri tal-annimali matul it-trasport fl-UE u barra minnha.

Matul dibattitu fit-2 ta' Diċembru 2020, il-Membri tal-PE talbu lill-Kummissarju għall-Agrikoltura Janusz Wojciechowski biex jiżgura li l-politika agrikola tal-UE ttejjeb il-benessri tal-annimali waqt it-trasport. Huma appellaw lill-Kummissjoni biex tappoġġa t-tqassir tal-ktajjen tal-provvista, biex tinkoraġġixxi t-trasport tal-laħam minflok dak tal-annimali ħajjin u biex tiżgura li l-importazzjonijiet jikkonformaw mal-istandards tal-UE dwar il-benessri tal-annimali.

F'April 2021, il-kumitat ta' inkjesta tal-Parlament li investiga l-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport qal li n-nuqqas ta' infurzar tar-regoli attwali dwar il-benessri tal-annimali waqt it-trasport huwa inaċċettabbli u appella għal azzjoni konkreta biex tiġi indirizzata l-problema, inklużi proċeduri ta' ksur fil-konfront tal-Istati Membri li jonqsu milli jinfurzaw ir-regoli eżistenti tal-UE.

Il-Kumitat sab nuqqasijiet sistemiċi fl-implimentazzjoni tar-regoli relatati mat-trasport tal-annimali fl-UE kollha. Ir-rapport tal-kumitat ġie vvutat f'sessjoni plenarja f'Jannar 2022.



Protezzjoni tal-annimali selvaġġi


Il-500 għasfur selvaġġ li jinsabu b'mod naturali fl-UE huma protetti mid-Direttiva dwar l-Għasafar, filwaqt li d-Direttiva dwar il-Ħabitats għandha l-għan li tiżgura l-konservazzjoni ta' speċijiet ta' annimali rari, mhedda jew endemiċi u t-tipi ta ħabitat karatteristiku.


L-inizjattiva tal-UE dwar il-Pollinaturi tnediet fl-2018 biex tindirizza t-tnaqqis tal-insetti pollinaturi selvaġġi, speċjalment in-naħal. Madankollu, il-Parlament jappellla għal tnaqqis ulterjuri tal-pestiċidi u aktar fondi għar-riċerka. F'rapport adottat f'Jannar 2018, il-Parlament diġà li stqarr li il-varjetajiet tan-naħal reġjonali u lokali għandhom jiġu protetti aħjar

Barra minn dan, il-baleni u d-delfini ma jistgħux jinqabdu u jinqatlu fl-ilmijiet tal-UE. Barra minn hekk, l-UE minn dejjem kienet difensur tal-implimentazzjoni sħiħa tal-moratorju fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni li ilu fis-seħħ mill-1986.


Jeżisti regolament tal-UE li jipprojbixxi l-kummerċ ta' prodotti mill-foki.


Hemm ukoll regoli dwar metodi ta' nsib, li jipprojbixxu l-użu ta' nases li jaqbdu s-saqajn biex jinqabdu annimali selvaġġi fl-UE u regoli li jistabbilixxi standards umanitarji.


L-UE timplimenta u tmur lilhinn mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) permezz tar-Regolamenti tagħha dwar il-Kummerċ ta' Speċijiet Selvaġġi biex tiżgura li l-kummerċ fil-prodotti tal-organiżmi selvaġġi ma jwassalx għal speċijiet fil-periklu.


F'Mejju 2020, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Strateġija għall-Bijodiversità ġdida u ambizzjuża bħala parti mill-Patt Ekoloġiku tal-UE.


Żoos


Ir-regoli tal-UE dwar iż-żamma tal-annimali selvaġġi fiż-żoos huma intiżi sabiex isaħħu r-rwol tagħhom fil-konservazzjoni tal-bijodiversità u jistabbilixxu standards għall-miżuri ta' protezzjoni, inkluża l-akkomodazzjoni xierqa tal-annimali.


Ittestjar fuq l-annimali għal skopijiet xjentifiċi


L-UE ħolqot qafas legali li jirregola l-istudji fuq l-annimali għall-iżvilupp ta' mediċini ġodda, għall-istudji fiżjoloġiċi u għall-ittestjar ta' addittivi tal-ikel jew kimiċi. Ir-regoli huma bbażati fuq il-prinċipju tat-"tliet R":

  • sostituzzjoni (promozzjoni tal-użu ta' metodi alternattivi)
  • tnaqqis (sforzi biex jintużaw inqas annimali għall-istess objettiv)
  • raffinament (sforzi biex jitnaqqsu l-uġigħ u t-tbatija).

L-ittestjar ta' kożmetiċi fuq l-annimali u l-kummerċjalizzazzjoni ta' tali prodotti huwa pprojbit fl-UE. F'riżoluzzjoni adottata fl-2018, il-Parlament appella għal projbizzjoni globali fuq l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali

Protezzjoni tal-annimali domestiċi

Biex jitrażżan il-kummerċ illegali tal-klieb u l-qtates, f'riżoluzzjoni adottata fit-12 ta' Frar 2020, il-Parlament appella għal pjan ta' azzjoni fl-UE kollha, sanzjonijiet eħrex u reġistrazzjoni obbligatorja .

Biex jiġi indirizzat it-tħassib taċ-ċittadini Ewropej, li jqisu l-annimali domestiċi bħala parti mill-familji tagħhom, il-pil tal-qtates u l-klieb ġie pprojbit fl-UE mill-2008. Il-leġiżlazzjoni tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni fil-Komunità jew l-esportazzjoni mill-Komunità ta' pil tal-qtates u tal-klieb u ta' prodotti oħra li fihom pil ta' din ix-xorta.

Bis-saħħa tar-regoli armonizzati tal-UE dwar l-ivvjaġġar bl-annimali domestiċi, in-nies huma liberi li jiċċaqalqu mal-annimali domestiċi tagħhom fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet, il-passaport tal-annimal domestiku jew iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali huwa l-uniku rekwiżit għall-klieb, il-qtates u l-inmsa biex jaqsmu l-fruntieri fi ħdan l-UE.