X'inhi l-intelliġenza artifiċjali u kif tintuża?
L-intelliġenza artifiċjali (IA) hija mistennija li tkun "teknoloġija futura determinanti". Iżda x'inhi eżattament l-IA u kif diġà taffettwa ħajjitna?
Definizzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali
L-IA hija l-kapaċità ta' magna li turi kapaċitajiet simili għall-bniedem bħal raġunament, tagħlim, ippjanar u kreattività.
L-IA tippermetti sistemi tekniċi biex jipperċepixxu l-ambjent tagħhom, jittrattaw ma' dak li jipperċepixxu u jsolvu l-problemi, billi jaġixxu biex jiksbu għan speċifiku. Il-kompjuter jirċievi data (diġà ppreparata jew miġbura permezz tas-sensuri tiegħu stess, eż. kamera), jipproċessaha u jirrispondi.
Is-sistemi tal-IA huma kapaċi jadattaw l-imġiba tagħhom, sa ċertu punt, billi janalizzaw l-effetti ta' azzjonijiet preċedenti u jaħdmu b'mod awtonomu.
Għaliex hija importanti l-IA?
Xi teknoloġiji tal-IA ilhom jeżistu għal aktar minn 50 sena, iżda l-avvanzi fil-qawwa tal-informatika, id-disponibbiltà ta' kwantitajiet enormi ta' data u algoritmi ġodda wasslu għal mumenti ta' avvanz kbir fl-IA f'dawn l-aħħar snin.
L-intelliġenza artifiċjali hija meqjusa bħala ċentrali għat-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetà u saret prijorità tal-UE.
L-applikazzjonijiet futuri huma previsti li jġibu bidliet enormi, iżda l-IA diġà hija preżenti fil-ħajja tagħna ta' kuljum.
Aqra aktar dwar l-opportunitajiet offruti mill-AI u l-Att futur dwar l-IA li fuqu qed taħdem l-UE.
- Software: assistenti virtwali, software għall-analiżi tal-immaġni, magni tat-tiftix, sistemi ta' rikonoxximent tad-diskors u tal-wiċċ
- IA "inkorporata": robots, karozzi awtonomi, droni, Internet tal-Oġġetti
L-IA fil-ħajja ta' kuljum
Hawn taħt hawn xi applikazzjonijiet tal-IA li forsi ma nirrealizzawx li huma mħaddmin bl-IA.
Ix-xiri u r-reklamar online
L-intelliġenza artifiċjali tintuża b'mod wiesa' biex tipprovdi rakkomandazzjonijiet personalizzati lin-nies, ibbażati pereżempju fuq it-tiftix u x-xiri preċedenti tagħhom jew imġiba online oħra. L-IA hija estremament importanti fil-kummerċ – l-ottimizzazzjoni tal-prodotti, l-inventarju tal-ippjanar, il-loġistika eċċ.
It-tiftix fuq l-internet
Il-magni tat-tiftix jitgħallmu mill-input vast tad-data pprovdut mill-utenti tagħhom biex jipprovdu riżultati tat-tiftix rilevanti.
Assistenti personali diġitali
Is-smartphones jużaw l-IA biex jipprovdu prodott kemm jista' jkun rilevanti u personalizzat. L-assistenti virtwali li jwieġbu l-mistoqsijiet, jipprovdu rakkomandazzjonijiet u jgħinu fl-organizzazzjoni ta' rutini ta' kuljum saru ħaġa mill-iktar komuni.
It-traduzzjonijiet awtomatiċi
Is-software tat-traduzzjoni tal-lingwa, ibbażat fuq test jew miktub jew mitkellem, jiddependi fuq l-intelliġenza artifiċjali biex jipprovdi u jtejjeb it-traduzzjonijiet. Dan japplika wkoll għal funzjonijiet bħas-sottotitolar awtomatizzat.
Id-djar, il-bliet u l-infrastruttura intelliġenti
It-termostati intelliġenti jitgħallmu mill-imġiba tagħna biex jiffrankaw l-enerġija, filwaqt li l-iżviluppaturi ta' bliet intelliġenti jittamaw li jirregolaw it-traffiku biex itejbu l-konnettività u jnaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku.
Il-karozzi
Filwaqt li l-vetturi awtonomi għadhom mhumiex standard, il-karozzi diġà jużaw funzjonijiet tas-sikurezza li jaħdmu bl-IA. Pereżempju, l-UE għenet fil-finanzjament ta' VI-DAS, sensuri awtomatizzati li jidentifikaw sitwazzjonijiet perikolużi u inċidenti possibbli.
In-navigazzjoni fil-biċċa l-kbira tagħha taħdem bl-IA.
Iċ-ċibersigurtà
Is-sistemi tal-IA jistgħu jgħinu biex jiġu rikonoxxuti u miġġielda l-attakki ċibernetiċi u theddid ċibernetiku ieħor abbażi tal-input kontinwu tad-data, billi jirrikonoxxu l-patterns u jiġu rimedjati l-attakki.
L-intelliġenza artifiċjali kontra l-COVID-19
Fil-każ tal-Covid-19, l-IA ntużat fl-immaġni termali fl-ajruporti u bnadi oħra. Fil-mediċina tista' tgħin biex tintgħaraf infezzjoni minn scans ta' tomografija kompjuterizzata tal-pulmun. Intużat ukoll biex tipprovdi data biex jiġi trekkjat it-tixrid tal-marda.
Niġġieldu d-diżinformazzjoni
Ċerti applikazzjonijiet tal-IA jistgħu jidentifikaw aħbarijiet foloz u diżinformazzjoni billi qalb l-informazzjoni tal-midja soċjali jfittxu kliem li huwa sensazzjonali jew allarmanti, u jidentifikaw liema sorsi online huma meqjusa awtorevoli.
Aqra aktar dwar kif il-MPE jridu jfasslu l-leġiżlazzjoni tad-data biex jagħtu spinta lill-innovazzjoni u jiżguraw is-sikurezza
Eżempji oħra tal-użu tal-intelliġenza artifiċjali
L-IA hija mistennija li tittrasforma prattikament l-aspetti kollha tal-ħajja u l-ekonomija. Dawn huma biss ftit eżempji.
Is-saħħa
Ir-riċerkaturi qed jistudjaw kif jużaw l-IA biex janalizzaw kwantitajiet kbar ħafna ta' data dwar is-saħħa u jsibu patterns li jistgħu jwasslu għal skoperti ġodda fil-mediċina u modi kif tittejjeb id-dijanjostika individwali.
Pereżempju, ir-riċerkaturi żviluppaw programm tal-IA biex jiġu mwieġba telefonati ta' emerġenza; dan il-programm huwa mistenni jirrikonoxxi arrest kardijaku matul it-telefonata aktar malajr u aktar frekwenti mid-dispatcher mediku. F'eżempju ieħor, KConnect, ikkofinanzjata mill-UE, qed tiżviluppa servizzi ta' test u tiftix multilingwi li jgħinu lin-nies isibu l-aktar informazzjoni medika rilevanti disponibbli.
It-trasport
L-IA tista' ttejjeb is-sikurezza, il-veloċità u l-effiċjenza tat-traffiku ferrovjarju billi timminimizza l-frizzjoni tar-roti, timmassimizza l-veloċità u tabilità s-sewqan awtonomu.
Il-manifattura
L-IA tista' tgħin lill-manifatturi Ewropej isiru aktar effiċjenti u ġġib il-fabbriki lura lejn l-Ewropa billi tuża robots fil-manifattura, tottimizza l-perkorsi tal-bejgħ, jew billi tipprevedi fil-ħin il-manutenzjoni u l-ħsarat fil-fabbriki intelliġenti.
SatisFactory, proġett ta' riċerka kofinanzjat mill-UE, juża sistemi kollaborattivi u ta' realtà awmentata biex iżid is-sodisfazzjon tax-xogħol fil-fabbriki intelliġenti.
L-ikel u l-biedja
L-IA tista' tintuża fil-bini ta' sistema tal-ikel sostenibbli tal-UE: tista' tiżgura ikel aktar tajjeb għas-saħħa billi timminimizza l-użu ta' fertilizzanti, pestiċidi u irrigazzjoni; tgħin il-produttività u tnaqqas l-impatt ambjentali. Ir-robots jistgħu jneħħu l-ħaxix ħażin, u b'hekk inaqqsu l-użu tal-erbiċidi, pereżempju.
Ħafna azjendi agrikoli madwar l-UE diġà jużaw l-IA biex jimmonitorjaw il-moviment, it-temperatura u l-konsum tal-għalf tal-annimali tagħhom.
Servizzi ta' amministrazzjoni pubblika
Bl-użu ta' firxa wiesgħa ta' data u rikonoxximent tal-patterns, l-IA tista' tipprovdi twissijiet bikrija ta' diżastri naturali u tippermetti tħejjija u mitigazzjoni effiċjenti tal-konsegwenzi.
Skopri aktar dwar it-theddid u l-opportunitajiet tal-IA u kif il-Parlament Ewropew irid jirregolaha.