COVID-19: l-MEPs jinsistu fuq appoġġ immirat għall-kultura

L-Ewropa m'għandhiex tinjora r-rwol kruċjali tal-kultura u għandha tgħin lis-settur waqt il-kriżi tal-COVID-19, qalu l-MEPs f'riżoluzzjoni tas-17 ta' Settembru.

Parliament calls for urgent support for the creative sector

Appoġġ immirat għall-kultura

Bil-pandemija tal-COVID-19, is-swali taċ-ċinema, is-swali tal-kunċerti, il-festivals, il-mużewijiet, it-teatri u attivitajiet kulturali tal-massa oħra madwar l-UE kellhom jieqfu. Għalkemm xi wħud mill-postijiet reġgħu fetħu, il-miżuri ta' saħħa u sikurezza li għadhom qed jittieħdu ma jħalluhomx joperaw b'kapaċità sħiħa.

Il-Parlament qed jitlob appoġġ dirett u rapidu għas-settur kulturali. F'riżoluzzjoni approvata fis-17 ta' Settembru, wara dibattitu fil-plenarja fl-10 ta' Lulju, l-MEPs isostnu li l-għajnuna finanzjarja għandha tiġi kemm mill-baġits nazzjonali kif ukoll mill-fondi tal-UE.

L-MEPs huma mħassba dwar il-fatt li fil-pjan ta' rkupru Next Generation EU ma ġie allokat l-ebda ammont speċifiku li s-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi jistgħu jibbenefikaw minnu direttament. Għalhekk qed jitolbu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokawlhom mill-inqas 2% tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jirkupraw, skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

L-MEPs enfasizzaw ukoll ir-rwol kruċjali tal-programm Ewropa Kreattiva u qed jitolbu li l-fondi tiegħu jirduppjaw. F'Ġunju, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni tal-Parlament ikkritika t-tnaqqis propost fil-programmi edukattivi u kulturali fil-proposta baġitarja l-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea.

Barra minn hekk, il-Parlament qed jitlob lill-Kummissjoni tesplora modi ġodda biex jittaffa l-impatt tal-kriżi fuq dan is-settur.

Il-kultura fl-Ewropa

Il-kultura mhijiex biss importanti fil-ħajja ta' kuljum, iżda hija parti integrali mill-ekonomija. Skont il-Eurostat, is-setturi kulturali u kreattivi Ewropej (CCSs) fl-2019 ħaddmu 7.4 miljun persuna fis-27 Stat Membru tal-UE, li huwa ekwivalenti għal 3.7% tal-impjiegi kollha. Il-kultura tixpruna t-turiżmu wkoll, billi ħafna minna jagħżlu destinazzjoni partikolari għall-vaganzi minħabba l-wirt kulturali jew l-avvenimenti li toffri.

Minħabba n-natura speċjali tiegħu, is-settur kulturali u kreattiv huwa partikolarment vulnerabbli fi żminijiet ta' kriżi: huwa magħmul prinċipalment minn intrapriżi żgħar u medji u minn persuni li jaħdmu għal rashom, u l-introjtu tagħhom jiġi minn sussidji pubbliċi, sponsors privati, dħul mill-udjenzi u drittijiet tal-awtur.

Tul il-kriżi tal-coronavirus, l-MEPs talbu li s-settur kulturali jingħata appoġġ.