Regoli ġodda tal-UE: id-diġitalizzazzjoni se ttejjeb l-aċċess għall-ġustizzja

Vidjokonferenzi transfruntiera, skambju ta' dokumenti sikur u notifika aktar sempliċi ta' dokumenti.

Ġustizzja diġitali
©AdobeStock/Freshidea

Fit-23 ta' Novembru, il-Parlament adotta żewġ proposti li għandhom l-għan li jimmodernizzaw is-sistemi ġudizzjarji fl-UE u se jgħinu jnaqqsu d-dewmien, iżidu ċ-ċertezza tad-dritt u jrendu l-aċċess għall-ġustizzja orħos u aktar faċli għall-utent.

Ir-regolamenti l-ġodda se jimplementaw soluzzjonijiet diġitali għall-kumpilazzjoni ta' xhieda u n-notifika ta' dokumenti fil-livell transfruntier bil-għan li l-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali ssir aktar effiċjenti fil-pajjiżi differenti tal-EU.

L-użu ta' teknoloġiji ta' komunikazzjoni mill-bogħod se tgħin biex ix-xhieda tinġabar aktar malajr u bi spejjeż aktar baxxi. Pereżempju, il-preżenza fiżika ta' persuna ma tkunx aktar meħtieġa fi proċedura transfruntiera u tkun tista' tintuża l-vidjokonferenza.

Se tiġi stabbilita sistema tal-IT deċentralizzata li tiġbor flimkien is-sistemi nazzjonali sabiex id-dokumenti jkunu jistgħu jiġu skambjati elettronikament b'mod aktar rapidu u sigur. Ir-regoli l-ġodda jinkludu dispożizzjonijiet addizzjonali għall-protezzjoni tad-data u tal-privatezza fit-trażmissjoni ta' dokumenti jew il-kumpilazzjoni ta' xhieda.

Ir-regolamenti jgħinu biex jiġu simplifikati l-proċeduri u biex tingħata ċ-ċertezza tad-dritt liċ-ċittadini u lin-negozji biex b'hekk l-individwi u n-negozji jiġu mħeġġa jidħlu fi tranżazzjonijiet transfruntiera, u għalhekk dawn ir-regolamenti jsaħħu mhux biss id-demokrazija iżda wkoll is-suq intern.

3.4 miljun

kawża ċivili u kummerċjali fis-sena jkollhom implikazzjonijiet transfruntiera.

L-isforzi tal-UE għad-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja

Iż-żewġ proposti jaġġornaw ir-regolamenti eżistenti tal-UE dwar in-notifika ta' dokumenti u l-kumpilazzjoni ta' xhieda - biex jiġi żgurat l-aħjar użu tas-soluzzjonijiet diġitali moderni.

Huma parti mill-isforzi tal-UE biex tgħin fid-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji. Filwaqt li f'ċerti pajjiżi, is-soluzzjonijiet diġitali diġà wrew li huma effettivi, il-proċeduri ġudizzjarji transfruntiera għadhom iseħħu l-aktar fuq il-karta. L-UE għandha l-għan li ttejjeb il-kooperazzjoni transfruntiera fil-livell tal-UE, u b'hekk tgħin liċ-ċittadini u lin-negozji u tippreserva l-kapaċità tal-infurzar tal-liġi biex tipproteġi liċ-ċittadini b'mod effettiv.

Il-kriżi tal-COVID-19 ikkawżat ħafna problemi għall-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja: kien hemm dewmien fis-seduti ta' smigħ ta' persuni u fin-notifika transfruntiera ta' dokumenti ġudizzjarji; inabbiltà temporali li tinkiseb għajnuna legali personalment; u l-iskadenza tal-iskadenzi minħabba dewmien. Fl-istess ħin, l-għadd dejjem akbar ta' insolvenzi u sensji dovuti għall-pandemija jagħmlu l-ħidma tal-qrati saħansitra aktar importanti.

Dawn il-proposti jidħlu fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Aktar informazzjoni