L-iskart-e fl-UE: fatti u ċifri (infografika) 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

L-iskart-e huwa l-aktar fluss ta' skart li qed jiżdied b'rata mgħaġġla fl-UE u inqas minn 40% jiġi riċiklat. Agħti ħarsa lejn il-fatti u ċ-ċifri fl-infografika tagħna.

L-apparat elettroniku u t-tagħmir elettriku jiddefinixxu l-ħajja moderna – mill-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ u l-vacuum cleaners sal-ismartphones u l-kompjuters, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina l-ħajja mingħajrhom. Iżda l-iskart li jiġġeneraw sar ostakolu għall-isforzi tal-UE biex tnaqqas l-impronta ekoloġika tagħha.

Aqra aktar biex tiskopri kif l-UE qed tindirizza l-iskart-e fil-mixja tagħha lejn ekonomija aktar ċirkolari.

X'inhu l-iskart-e?

L-iskart tat-tagħmir elettroniku u elettriku, jew l-iskart-e, ikopri varjetà ta' prodotti differenti li jintremew wara li jintużaw.

L-apparat domestiku kbir, bħal magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ u stufi tal-elettriku, huwa l-aktar li jinġabar, u jirrappreżenta aktar minn nofs l-iskart-e kollu miġbur.

Dan huwa segwit mit-tagħmir tal-IT u tat-telekomunikazzjoni (laptops, printers), tagħmir tal-konsumatur u pannelli fotovoltajċi (kameras tal-vidjo, lampi fluworexxenti) u apparat domestiku żgħir (vacuum cleaners, towsters).

Il-kategoriji l-oħra kollha, bħall-għodod elettriċi u l-apparat mediku, flimkien jirrappreżentaw 7.2% biss tal-iskart-e miġbur.

Ir-rata ta' riċiklaġġ tal-iskart-e fl-UE

Inqas minn 40% tal-iskart-e kollu fl-UE jiġi riċiklat, il-bqija ma jiġix isseparat. Il-prattiki ta' riċiklaġġ ivarjaw fost l-Istati Membri – fl-2017, il-Kroazja rriċiklat 81.3% tal-iskart elettroniku u elettriku kollu, filwaqt li f'Malta, iċ-ċifra kienet 20.8%.

Għaliex għandna bżonn nirriċiklaw l-iskart ta' tagħmir elettroniku u elettriku?

It-tagħmir elettroniku u elettriku mormi jista' jkun fih materjali ta' ħsara li jniġġsu l-ambjent u li jżidu r-riskji għan-nies involuti fir-riċiklaġġ tal-iskart-e. Biex tiġġieled din il-problema, l-UE għaddiet leġiżlazzjoni biex tipprevjeni l-użu ta' ċerti sustanzi kimiċi, bħaċ-ċomb.

Ħafna minerali rari li huma meħtieġa fit-teknoloġija moderna jiġu minn pajjiżi li ma jirrispettawx id-drittijiet tal-bniedem. Sabiex jiġi evitat li l-kunflitti armati u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem jiġu appoġġati b'mod involontarju, il-Membri tal-PE adottaw regoli li jirrikjedu li l-importaturi Ewropej ta' minerali terrestri rari jwettqu kontrolli tal-isfond dwar il-fornituri tagħhom.

X'qed tagħmel l-UE biex tnaqqas l-iskart-e?

F'Marzu 2020, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pjan ta' azzjoni ġdid għal ekonomija ċirkolari (CEAP) li jistabbilixxi t-tnaqqis tal-iskart ta' tagħmir elettroniku u elettriku bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tiegħu. Il-proposta tiddeskrivi b'mod speċifiku għanijiet immedjati bħad-"dritt għat-tiswija" u ttejjeb l-użu mill-ġdid b'mod ġenerali, l-introduzzjoni ta' ċarġer komuni u l-istabbiliment ta' sistema ta' premjijiet biex tinkoraġġixxi r-riċiklaġġ tat-tagħmir elettroniku.

Il-pożizzjoni tal-Parlament

Il-Parlament għandu jivvota dwar rapport fuq inizjattiva proprja dwar il-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari fi Frar 2021.

Ir-rapporteur tal-Parlament, Jan Huitema (Renew Europe, NL), qal hekk dwar il-pjan tal-Kummissjoni: "Huwa importanti li l-approċċ lejn is-CEAP ikun wieħed olistiku. Il-prinċipji taċ-ċirkolarità jeħtieġ li jiġu implimentati fl-istadji kollha tal-katina ta' valur biex l-ekonomija ċirkolari tkun suċċess."

Huwa qal li għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-settur tal-iskart-e, peress li r-riċiklaġġ għadu lura meta mqabbel mal-produzzjoni. "Fl-2017, id-dinja ġġenerat 44.7 miljun tunnellata metrika (Mt) ta' skart-e u 20% biss ġie riċiklat kif suppost."

Huitema qal ukoll li s-CEAP jista' jgħin fl-irkupru ekonomiku. "L-istimular ta' mudelli ta' negozju ġodda u innovattivi se joħolqu t-tkabbir ekonomiku u l-opportunitajiet ġodda ta' impjieg li l-Ewropa se jkollha bżonn biex tirkupra."

Aqra aktar dwar l-ekonomija ċirkolari u l-iskart: