Il-MPE: it-turiżmu għandu jkun aktar sikur u aktar sostenibbli wara l-COVID

F'rapport li se ssir votazzjoni dwaru fil-25 ta' Marzu, il-MPE jgħidu li t-turiżmu se jkollu bżonn l-għajnuna biex isir aktar nadif, aktar sikur u aktar sostenibbli wara l-pandemija.

It-turiżmu u l-COVID-19


It-turiżmu huwa wieħed mis-setturi l-aktar milquta mill-pandemija. Huwa jimpjega madwar 27 miljun ruħ u jirrappreżenta madwar 10 % tal-PDG tal-UE. Bħalissa, sitt miljun impjieg jinsabu f'riskju. L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja, laqgħet 66 % inqas turisti internazzjonali fl-ewwel nofs tas-sena, u 97 % inqas fit-tieni nofs.

Kompli aqra: Covid-19: Appoġġ tal-UE għall-industrija tat-turiżmu

Il-ħtieġa għal strateġija ġdida għat-turiżmu fl-Ewropa

Il-MPE huma mistennija jitolbu strateġija Ewropea ġdida biex, wara l-pandemija, it-turiżmu jsir aktar nadif, aktar sikur u aktar sostenibbli u jitqajjem lura fuq saqajh bl-inklużjoni ta' ċertifikat tal-vaċċinazzjoni komuni.

"Bis-sajf kważi magħna, irridu nevitaw l-iżbalji tal-passat u nistabbilixxu miżuri tal-UE kkoordinati u uniformi, bħal protokoll ta' testijiet qabel it-tluq, ċertifikat ta' vaċċinazzjoni u siġill sanitarju, biex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar, mingħajr spejjeż għaċ-ċittadini." qalet l-awtur tar-rapport Cláudia Monteiro de Aguiar (PPE, PT) .

Assistenza finanzjarja


Ir-rapport jgħid li appoġġ finanzjarju kontinwu fuq perjodu qasir huwa essenzjali għas-sopravivenza tas-settur, filwaqt li jħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE jinkludu l-ivvjaġġar u t-turiżmu fil-pjanijiet ta' rkupru tagħhom tal-COVID. Jappella wkoll għal investiment pubbliku u privat fid-diġitalizzazzjoni u l-modernizzazzjoni ġenerali tas-settur u jgħid li l-pajjiżi għandhom jikkunsidraw li temporanjament inaqqsu r-rati tal-VAT fuq is-servizzi tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu.

Ċertifikat tal-vaċċinazzjoni komuni

Sabiex jerġa' jiġi stabbilit il-moviment liberu, ir-rapport jappella għal ċertifikat tal-vaċċinazzjoni komuni, li jista' jsir alternattiva għat-testijiet tal-PCR u r-rekwiżiti ta' kwarantina ladarba l-vaċċini jkunu disponibbli għal kulħadd u jkun hemm biżżejjed evidenza xjentifika li l-persuni mlaqqma ma jittrażmettux il-virus. Skont ir-rapport, il-kwarantina għandha tibqa' l-istrument tal-aħħar istanza.

Fl-24 ta' Marzu, il-KE pproponiet "ċertifikat aħdar diġitali" f'konformità mas-suġġeriment fir-rapport.

Nagħmlu t-turiżmu aktar sostenibbli

Ir-rapport jgħid li l-pandemija mexxiet il-preferenzi tal-konsumaturi lejn għażliet aktar ekoloġiċi li jqarrbuhom lejn in-natura. Huwa jappella għal pjan direzzjonali li jiżviluppa forom aktar sostenibbli ta' turiżmu biex titnaqqas l-impronta ambjentali tas-settur.

Fost il-proposti l-oħra hemm:

  • siġill ta' ċertifikazzjoni tal-iġjene tal-UE, li jiċċertifika standards minimi għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-virus COVID-19 biex jgħin ħalli terġa' tinkiseb il-fiduċja tal-konsumatur fit-turiżmu u l-ivvjaġġar.

  • aġenzija ġdida tal-UE għat-turiżmu.

Kompli aqra: Il-Coronavirus: fatti dwar drittijietek bħala passiġġier

Aktar informazzjoni