It-trasformazzjoni diġitali: importanza, benefiċċji u politika tal-UE 

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Tgħallem kif l-UE qed tgħin fit-tiswir ta' trasformazzjoni diġitali fl-Ewropa għall-benefiċċju taċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-ambjent.

It-trasformazzjoni diġitali hija fost l-ogħla prijoritajiet tal-UE. Il-Parlament Ewropew qed jgħin biex jissawru l-politiki li se jsaħħu l-kapaċitajiet tal-Ewropa f'teknoloġiji diġitali ġodda, jiftħu opportunitajiet ġodda għall-intrapriżi u l-konsumaturi, jappoġġjaw it-tranżizzjoni ekoloġika tal-UE u jiksbu n-newtralità mil-lat tal-klima sal-2050, jappoġġjaw il-ħiliet diġitali taċ-ċittadini u t-taħriġ għall-ħaddiema, u jgħinu jiddiġitalizzaw is-servizzi pubbliċi, filwaqt li jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet u l-valuri bażiċi.

Il-Parlament qed iħejji biex jivvota fuq rapport bit-titolu "Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa", li jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tindirizza l-isfidi minħabba t-tranżizzjoni diġitali, speċjalment biex tikseb vantaġġ minn opportunitajiet tas-suq uniku diġitali u ttejjeb l-użu tal-IA.

X'inhi t-trasformazzjoni diġitali? 
  • It-trasformazzjoni diġitali hija l-integrazzjoni tat-teknoloġiji diġitali minn kumpaniji u l-impatt tat-teknoloġiji fuq is-soċjetà.  
  • Il-pjattaformi diġitali, l-Internet tal-Oġġetti, il-cloud computing u l-intelliġenza artifiċjali huma fost it-teknoloġiji li jaffettwaw ... 
  • ... setturi mit-trasport sal-enerġija, l-agroalimentazzjoni, it-telekomunikazzjoni, is-servizzi finanzjarji, il-produzzjoni fil-fabbrika u l-kura tas-saħħa, u t-trasformazzjoni ta' ħajjet in-nies. 
  • It-teknoloġiji jistgħu jgħinu biex jottimmizzaw il-produzzjoni, inaqqsu l-emissjonijiet u l-iskart, jagħtu spinta lill-vantaġġi kompetittivi tal-kumpaniji u biex jitwasslu servizzi u prodotti ġodda għall-konsumaturi. 

Il-finanzjament tal-prijoritajiet diġitali tal-UE

L-aspett diġitali jaqdi rwol essenzjali fil-politiki kollha tal-UE. Il-kriżi tal-COVID-19 aċċentwat il-bżonn għal rispons iċċentrat fuq il-futur li jkun ta' benefiċċju għas-soċjetà u għall-kompetittività fit-tul. Is-soluzzjonijiet diġitali jippreżentaw opportunitajiet importanti u huma essenzjali biex jiġi garantit l-irkupru tal-Ewropa u l-pożizzjoni kompetittiva tagħha fl-ekonomija globali. Il-pjan tal-UE għall-irkupru ekonomiku jirrikjedi li l-Istati Membri jallokaw mill-anqas 20% tal-€672.5 biljun tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għat-tranżizzjoni diġitali. Programmi ta' investiment bħal Orizzont Ewropa, li huwa ċċentrat fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li hija ċċentrata fuq l-infrastruttura, ukoll jallokaw ammonti sostanzjali għall-avvanzi diġitali.

Filwaqt li l-politika ġenerali tal-UE hija li tapprova miri diġitali fil-programmi kollha, xi programmi ta' investiment u regoli ġodda huma mmirati speċifikatament biex jiksbuhom.

Il-Programm Ewropa Diġitali

F'April 2021, il-Parlament adotta l-Programm Ewropa Diġitali, l-ewwel strument finanzjarju tal-UE li hu ffokat b'mod speċifiku fuq it-twassil tat-teknoloġija lin-negozji u liċ-ċittadini. Huwa għandu l-għan li jinvesti fl-infrastruttura diġitali sabiex it-teknoloġiji strateġiċi jkunu jistgħu jagħtu spinta lill-kompetittività tal-Ewropa, it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżgurar tas-sovranità teknoloġika. Se jinvesti €7.6 biljun f'ħames oqsma: is-supercomputing (€2.2 biljun), l-IA (€2.1 biljun), iċ-ċibersigurtà (€1.6 biljun), il-ħiliet diġitali avvanzati (€577 miljun), u l-iżgurar ta' użu wiesa' tat-teknoloġiji diġitali fl-ekonomija u s-soċjetà kollha (€1.1 biljun).

Is-sikurezza online u l-ekonomija tal-pjattaformi

Il-pjattaformi online huma parti importanti tal-ekonomija u ta' ħajjet in-nies. Huma jippreżentaw opportunitajiet enormi bħala swieq, u huma kanali ta' komunikazzjoni importanti. Madankollu, hemm ukoll sfidi sinifikanti. L-UE qed taħdem fuq leġiżlazzjoni ġdida dwar is-Servizzi Diġitali, li għandha l-għan li trawwem il-kompetittività, l-innovazzjoni u t-tkabbir filwaqt li ssaħħaħ is-sigurtà online, tindirizza l-kontenut illegali, u tiżgura l-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-istampa u d-demokrazija.

Aqra aktar dwar għaliex l-UE trid tirregola l-ekonomija tal-pjattaformi.

Fost il-miżuri li jiżguraw is-sikurezza online, f'April 2021, il-Parlament adotta regoli ġodda biex jipprevjeni t-tixrid ta' kontenut terroristiku online. Il-Membri tal-PE qed jikkunsidraw ukoll regoli dwar ċentru Ewropew ġdid għaċ-ċibersigurtà.

L-Intelliġenza Artifiċjali u l-Istrateġija dwar id-Data

L-IA tista' tkun ta' benefiċċju għall-persuni permezz ta' kura tas-saħħa mtejba, karozzi aktar sikuri u servizzi mfassla apposta. Tista' ttejjeb il-proċessi ta' produzzjoni u ġġib vantaġġ kompetittiv għan-negozji Ewropej, inkluż f'setturi fejn il-kumpaniji tal-UE diġà jokkupaw pożizzjonijiet b'saħħithom: l-ekonomija ekoloġika u ċirkolari, il-makkinarju, il-biedja, it-turiżmu...

Sabiex jiġi żgurat li l-Ewropa tagħmel l-aħjar użu mill-possibbiltajiet tal-IA, il-Membri tal-PE enfasizzaw il-ħtieġa għal leġiżlazzjoni tal-IA ċċentrata fuq il-bniedem, li għandha l-għan li tistabbilixxi qafas tal-IA li jkun affidabbli, timplimenta standards etiċi, tappoġġja l-impjiegi, tgħin fil-bini ta' "IA magħmula fl-Ewropa" kompetittiva u tinfluwenza l-istandards globali. Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha għal regolament dwar l-IA fil-21 ta' April 2021.

Aqra aktar dwar kif il-Membri tal-PE jridu jirregolaw l-IA.

Is-suċċess tal-iżvilupp tal-IA fl-Ewropa jiddependi ħafna fuq strateġija Ewropea tad-data ta' suċċess. Il-Parlament saħaq fuq il-potenzjal tad-data industrijali u pubblika għall-kumpaniji u r-riċerkaturi tal-UE u appella għal spazji tad-data Ewropej, infrastruttura tal-big data u leġiżlazzjoni li se jikkontribwixxu għall-affidabbiltà.

Aktar dwar dak li l-Parlament irid għall-istrateġija Ewropea dwar id-data.

Il-ħiliet diġitali u l-edukazzjoni

Il-pandemija wriet l-importanza tal-ħiliet diġitali għax-xogħol u l-interazzjonijiet, iżda ssottolinjat ukoll id-distakk fil-ħiliet diġitali u l-ħtieġa li tiżdied l-edukazzjoni diġitali. Il-Parlament irid li l-aġenda Ewropea għall-ħiliet tiżgura li ċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-avvanzi teknoloġiċi.

42%  ; taċ-ċittadini tal-UE m'għandhomx ħiliet diġitali bażiċi

Aqsam din il-kwotazzjoni ma' ħaddieħor: 

Tassazzjoni ġusta tal-ekonomija diġitali

Ħafna mir-regoli tat-taxxa ġew stabbiliti ferm qabel ma kienet teżisti l-ekonomija diġitali. Biex jitnaqqas l-evitar tat-taxxa u biex it-taxxi jsiru aktar ġusti, il-Membri tal-PE qed jitolbu rata tat-taxxa minima globali u drittijiet ġodda ta' tassazzjoni li jippermettu li jitħallsu aktar taxxi fejn jinħoloq il-valur u mhux fejn ir-rati tat-taxxa jkunu l-aktar baxxi.

Iċċekkja wkoll