SPINTA TAL-UE FAVUR IL-KULTURA 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

F'Mejju, il-Membri tal-PE approvaw l-akbar baġit li qatt sar għas-setturi kulturali u kreattivi – €2.5 biljun għall-perjodu 2021–2027.

Ewropa Kreattiva huwa l-uniku programm tal-UE li jipprovdi appoġġ esklużiv għas-setturi kulturali u awdjoviżivi. Wara perjodu diffiċli għall-artisti u s-settur kollu minħabba restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija, f'Diċembru 2020, il-Parlament u l-Kunsill qablu dwar baġit ta' €2.5 biljun għall-perjodu 2021–2027. Il-Membri tal-PE approvaw il-ftehim matul is-sessjoni plenarja ta' Mejju.

€2.5 biljun  ; baġit għall-kultura

Aqsam din il-kwotazzjoni ma' ħaddieħor: 

Rispons aħjar għal setturi differenti u għall-ħtiġijiet tagħhom

Sabiex tkun tista' tiġi rrispettata n-natura speċifika tas-setturi differenti u jkun hemm rispons aħjar għall-ħtiġijiet tagħhom, il-programm Ewropa Kreattiva huwa maqsum fi tliet fergħat differenti:

Kultura, li tiffoka fuq in-networking, il-kollaborazzjoni transnazzjonali u multidixxiplinari fis-setturi kulturali u kreattivi u fuq il-bini ta' identità u valuri Ewropej aktar b'saħħithom b'attenzjoni speċjali għas-settur tal-mużika, kif innegozjat mill-Membri tal-PE.

MEDIA, li hija ddedikata għall-istimolu tal-kooperazzjoni transfruntiera, il-mobbiltà u l-innovazzjoni; it-tisħiħ tal-viżibbiltà tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej fl-ambjent il-ġdid; u biex issir attraenti għal udjenzi differenti, speċjalment għaż-żgħażagħ.

Transsettorjali, li għandha l-għan li tinkoraġġixxi l-innovazzjoni, tappoġġa proġetti transsettorjali, l-iskambju tal-aħjar prattiki u tindirizza sfidi komuni.

Il-programm Ewropa Kreattiva jappoġġa wkoll: 
  • Iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew 
  • Jiem Ewropej tal-Patrimonju 
  • Premjijiet Ewropej għall-mużika, il-letteratura, il-patrimonju u l-arkitettura  
  • Kapitali Ewropej tal-Kultura  

Appoġġ għal attivitajiet b'valur miżjud tal-UE

Il-programm Ewropa Kreattiva se jappoġġa attivitajiet li jippromwovu l-għeruq komuni tal-UE, id-diversità kulturali u l-kooperazzjoni transfruntiera.

Il-promozzjoni tal-inklużjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

Il-Membri tal-PE żguraw li ssir enfasi fuq l-inklużjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, ippromwovew il-parteċipazzjoni ta' persuni b'diżabilità, minoranzi u dawk li ġejjin minn ambjenti żvantaġġati, kif ukoll appoġġaw it-talent femminili.