Ewropa Globali: €79.5 biljun f'appoġġ għall-iżvilupp

L-UE hija mistennija li tinvesti €79.5 biljun fuq l-iżvilupp u l-kooperazzjoni internazzjonali fil-pajjiżi ġirien u f'pajjiżi aktar 'il bogħod sal-2027. Skopri aktar fil-filmat tagħna.

Global Europe: €79.5 biljun biex jappoġġa l-iżvilupp madwar id-dinja

Bħala parti mill-baġit tagħha għall-2021-2027, l-Unjoni Ewropea qed tirrevedi kif tinvesti barra mill-blokk. Wara ftehim storiku mal-pajjiżi tal-UE f'Diċembru 2020, il-Parlament, fis-sessjoni plenarja tiegħu ta' Ġunju fi Strasburgu, se jivvota dwar l-istabbiliment ta' fond ta' €79.5 biljun għall-Ewropa Globali, li jgħaqqad flimkien diversi strumenti eżistenti tal-UE, fosthom il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp. Din is-simplifikazzjoni se tippermetti lill-UE tiddefendi u tippromwovi b'mod aktar effettiv il-valuri u l-interessi tagħha madwar id-dinja u tirreaġixxi aktar malajr għall-isfidi globali emerġenti.

L-istrument se jiffinanzja l-prijoritajiet tal-politika barranija tal-UE fis-seba' snin li ġejjin u jappoġġa l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi tal-viċinat tal-UE, kif ukoll fl-Afrika sub-Saħarjana, l-Asja, l-Ameriki, il-Paċifiku u l-Karibew. L-Ewropa Globali se tappoġġa proġetti li jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bħall-qerda tal-faqar u l-migrazzjoni u jiġu promossi valuri tal-UE bħad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija.

Il-programm se jappoġġa wkoll l-isforzi multilaterali globali u jiżgura li l-UE tkun kapaċi tonora l-impenji tagħha fid-dinja, inklużi l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u l-ftehim ta' Pariġi dwar il-klima. Tletin fil-mija tal-finanzjament globali tal-programm se jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi.

Mill-inqas €19.3 biljun huma allokati għall-pajjiżi tal-viċinat tal-UE b'€29.2 biljun li għandhom jiġu investiti fl-Afrika sub-Saħarjana. Il-finanzjament tal-Ewropa Globali se jiġi allokat ukoll għal azzjoni ta' rispons rapidu inkluż il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-prevenzjoni tal-kunflitti. L-UE se tagħti spinta lill-appoġġ tagħha għall-investiment sostenibbli madwar id-dinja skont il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus, li se jiġġenera kapital privat biex jikkomplementa l-għajnuna diretta għall-iżvilupp.

F'negozjati mal-Kunsill, il-Parlament żgura l-involviment akbar tal-Membri tal-PE fid-deċiżjonijiet strateġiċi rigward il-programm. Ladarba jiġi approvat, ir-regolament dwar l-Ewropa Globali se japplika b'mod retroattiv mill-1 ta' Jannar 2021.

L-Ewropa Globali hija wieħed mill-15-il programm emblematiku tal-UE appoġġati mill-Parlament fin-negozjati dwar il-baġit 2021-2027 u l-istrument ta' rkupru tal-UE, li kollettivament se jippermetti lill-Unjoni tipprovdi aktar minn €1.8 triljun f'finanzjament matul is-snin li ġejjin.

Ara l-filmat ta' hawn fuq biex titgħallem dwar id-differenza li jagħmel l-investiment tal-UE fl-iżvilupp.