Il-politika ambjentali tal-UE sal-2030: bidla sistemika

X'inhuma l-għanijiet tal-pjan ta' azzjoni ambjentali l-ġdid tal-UE sal-2030 u x'għandu jsir biex dawn jintlaħqu?

Hekk kif l-Ewropa, flimkien mal-bqija tad-dinja, qed tiffaċċja l-impatt ekonomiku u soċjetali tat-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni tal-ekosistema u l-konsum eċċessiv tar-riżorsi naturali, il-Membri tal-PE f'Lulju appoġġaw il-Programm ta' Azzjoni Ambjentali 2030, li għandu l-għan li jindirizza wħud mill-kwistjonijiet.

Skopri aktar dwar ir-rispons tal-UE għat-tibdil fil-klima

Lejn in-newtralità klimatika tal-UE

F'Novembru 2019, il-Parlament adotta riżoluzzjoni li tiddikjara emerġenza klimatika u ħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-proposti leġiżlattivi u baġitarji futuri jiġu allinjati mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima.

L-ewwel programm ta' azzjoni ambjentali tal-UE fl-1973 kellu l-għan li jnaqqas it-tniġġis, itejjeb l-ambjenti naturali u urbani u jippromwovi l-għarfien dwar il-problemi ekoloġiċi. It-8 programm ta' azzjoni ambjentali, li se jiġi diskuss mill-Membri tal-PE fil-plenarja ta' Lulju, se jiffoka fuq l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika, lejn enerġiji nodfa u effiċjenti u lejn ekonomija ċirkolari.

Ekonomija sostenibbli hija essenzjali

Fir-rapport tagħha dwar l-Istat tal-Ambjent, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent qalet li l-attivitajiet ekonomiċi u l-istil ta' ħajja huma l-aktar sfidi ambjentali importanti tal-Ewropa.

Skont il-PE, l-UE għandha taqleb għal ekonomija tal-benesseri sostenibbli bl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli bħala l-pedament. Ekonomija tal-benesseri hija waħda fejn l-interessi pubbliċi jiddeterminaw l-ekonomija, u mhux bil-maqlub.

Il-prijoritajiet fil-proposta tal-pjan ta' azzjoni jinkludu:

  • Il-ħsara ambjentali għandha titqies bħala prijorità, tissewwa f'ras il-għajn u l-ħsara mħallsa minn min iniġġes
  • Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu mill-Kummissjoni f'Marzu 2024
  • It-teknoloġiji tad-data għandhom jintużaw biex jappoġġaw il-politika ambjentali, filwaqt li jiżguraw it-trasparenza u l-aċċessibbiltà pubblika tad-data
  • It-tneħħija gradwali tas-sussidji diretti u indiretti kollha għall-fjuwils fossili sal-2025 u s-sussidji li jiffinanzjaw attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent għandhom jitneħħew gradwalment sal-2027.

Trasparenza u sorveljanza

Il-programm ta' Azzjoni Ambjentali l-ġdid, li se jappoġġa l-Patt Ekoloġiku Ewropew, se jinkludi mekkaniżmu ta' monitoraġġ ġdid. Il-Kummissjoni mistennija toħroġ b'indikaturi li jimmonitorjaw u jsegwu l-progress sal-31 ta' Diċembru 2021.

Kompli aqra: