Roaming daqslikieku f'pajjiżek: ir-regoli dwar ir-roaming estiżi għal 10 snin oħra
Chapo: Il-politika “Roaming daqslikieku f'pajjiżek” tiżgura li l-Ewropej ikunu jistgħu jċemplu, jibagħtu messaġġi u jużaw data mobbli kullimkien fl-UE mingħajr ma jħallsu spejjeż żejda.
F'April 2022, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw l-estensjoni tar-regoli tar-roaming li jippermettu lill-konsumaturi tal-UE jkomplu jċemplu u jittrasferixxu data meta jkunu msiefrin fl-UE bl-istess tariffa daqslikieku f'pajjiżhom. Il-leġilazzjoni hija parti mill-istrateġija ta' trasformazzjoni diġitali, li hija waħda mill-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea.
Roaming daqslikieku f'pajjiżek
L-introduzzjoni f'Ġunju 2017 tar-regoli tar-“Roaming daqslikieku f'pajjiżek” ippermettiet lil madwar 170 miljun ruħ igawdu mill-vantaġġ li jibqgħu konnessi meta jkunu msefrin fl-Ewropa, filwaqt li jħallsu l-istess tariffa daqslikieku kienu f'pajjiżhom. Is-sistema topera fiż-Żona Ekonomika Ewropea, li tinkludi s-27 pajjiż tal-UE kollha kif ukoll l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.
Is-suċċess kbir ta' din l-inizjattiva jixhdu l-fatt li fis-sajf tal-2019, l-użu tad-data roaming żdied bi 17-il darba meta mqabbel mas-sajf qabel ma ġew aboliti t-tariffi tar-roaming.
Kwalità aħjar b'aktar servizzi
Ir-Regolament il-ġdid se jestendi r-regoli ta' bħalissa għal 10 snin oħra, u jiżgura wkoll servizzi ta' roaming aħjar għall-vjaġġaturi. Pereżempju, il-konsumaturi għandhom id-dritt li jaqbdu ma' network mobbli barrani bl-istess kundizzjonijiet ta' kwalità kif ukoll ta' veloċità daqslikieku baqgħu f'pajjiżhom, kull fejn ikun hemm networks ekwivalenti disponibbli.
Ir-regoli l-ġodda jiżguraw ukoll li n-nies ikunu jistgħu jċemplu, jibagħtu messaġġ jew jużaw applikazzjoni biex jagħmlu kuntatt mas-servizzi ta' emerġenza mingħajr ħlas.
L-operaturi huma meħtieġa wkoll jinfurmaw lill-utenti dwar tariffi aktar għoljin meta jużaw servizzi b'valur mijud waqt ir-roaming, pereżempju l-helpdesks tekniċi jew is-servizzi ta' assistenza lill-klijenti tal-kumpaniji tal-ajru jew tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni.
Sostenibbiltà tar-roaming għall-operaturi
Ir-regoli l-ġodda jimmiraw ukoll li jiżguraw li s-sistema tkun sostenibbli għall-operaturi u li żżomm l-inċentivi għall-investimenti fin-networks.
Aktar informazzjoni:
- Għaxar snin oħra ta' roaming mingħajr tariffi addizzjonali
- Tren Leġiżlattiv
- (iftaħ f’tab ġdida) L-Osservatorju Leġiżlattiv
- Briefing
- (iftaħ f’tab ġdida) Il-Kummissjoni Ewropea: Roaming: connected anywhere in the EU at no extra charge (Ir-roaming: konness fi kwalunkwe post fl-UE mingħajr ma tħallas aktar), il-Kummissjoni Ewropea
- (iftaħ f’tab ġdida) Il-Kummissjoni Ewropea: Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar ir-Roaming
- (iftaħ f’tab ġdida) Segwi dak li qed jgħidu l-MEPs fuq Newshub