Politika farmaċewtika ġdida tal-UE li tibqa' valida fil-futur

Mediċini affordabbli, il-prevenzjoni ta' skarsezzi u industrija newtrali għall-klima – il-Parlament jagħmel pressjoni għal politika farmaċewtika ġdida tal-UE.

Matul is-sessjoni plenarja ta' Novembru fi Strasburgu, il-PE stabbilixxa sensiela ta' rakkomandazzjonijiet għall-aġġornament tal-leġiżlazzjoni farmaċewtika tal-UE 2022.

Fl-2019, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) awtorizzat 103 mediċina orfni – biex tittratta kundizzjonijiet mediċi rari – iżda nofshom biss waslu fis-suq, b'dewmien medju ta' sentejn. Din hija biss waħda mill-kwistjonijiet imqajma f'rapport dwar il-politika farmaċewtika tal-UE. Biex isolvu din il-problema, il-Membri tal-PE talbu għal ħinijiet iqsar ta' approvazzjoni mill-aġenziji nazzjonali u allinjament mal-EMA biex jiġi żgurat aċċess rapidu u ugwali għall-mediċini madwar l-UE.

Aqra aktar dwar il-miżuri tas-saħħa pubblika tal-UE


L-iskarsezza tal-mediċini

Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat l-iskarsezza tal-mediċini u t-tagħmir mediku li poġġew lill-pazjenti f'riskju u lis-sistemi tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni. Il-Parlament stieden lill-Kummissjoni tindirizza l-kawżi ewlenin tal-iskarsezzi u tipproponi soluzzjonijiet sostenibbli, inkluż id-dħul f'waqtu fis-suq ta' mediċini ġeneriċi u bijosimili, sabiex tiżgura li l-pazjenti jkollhom aċċess għal mediċini sikuri u affordabbli.

Sib aktar dwar l-iskarsezza tal-mediċini u s-soluzzjonijiet tal-Parlament

 

Industrija farmaċewtika li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent

Il-Parlament qal ukoll li l-industrija farmaċewtika għandha ssir favur l-ambjent u ċ-ċikli tal-ħajja tal-prodotti għandhom ikunu newtrali għall-klima. Il-PE enfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-manifattura u tal-provvista tal-UE u li tiżdied it-trasparenza fil-prezzijiet u l-finanzjament pubbliku tar-R&Ż.

Il-Membri tal-PE jirrakkomandaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni kkoordinati dwar ir-reżistenza antimikrobika; u l-iżvilupp ta' kapaċità xierqa għall-produzzjoni sostenibbli ta' sustanzi attivi, materja prima u mediċini sabiex titnaqqas id-dipendenza minn sorsi esterni.

Ir-rapport jistieden lill-Kummissjoni timplimenta bis-sħiħ ir-Regolament dwar il-Provi Kliniċi biex tiffaċilita t-tnedija ta' provi kliniċi kbar imwettqa b'mod armonizzat u kkoordinat fil-livell tal-UE.