Il-Parlament jappella għal azzjoni biex titħares is-saħħa mentali

Żieda fil-problemi tas-saħħa mentali tfisser li din tista’ tkun il-kriżi tas-saħħa li jmiss, u għalhekk il-Membri tal-PE jridu azzjoni dwarha.

-MENTAL-HEALTH_© AdobeStock_zimmytws
© AdobeStock_zimmytws

L-impatt tal-Covid-19 fuq is-saħħa mentali

 

Il-pandemija tal-Covid-19 u l-kriżi ekonomika li segwietha poġġew pressjoni kbira fuq is-saħħa mentali u l-benessri ta’ kulħadd, li wassal għal żieda ta’ riskji psikosoċjali marbuta max-xogħol u rati ogħla ta’ stress, ansjetà u dipressjoni. Madankollu, is-saħħa mentali mhijiex ittrattata bħala prijorità bl-istess mod bħas-saħħa fiżika, jgħid il-Parlament f'riżoluzzjoni dwar is-saħħa mentali fid-dinja diġitali tax-xogħol adottata fil-5 ta' Lulju 2022.

Ir-rapport dwar is-saħħa mentali fid-dinja diġitali tax-xogħol jirrimarka li 64% taż-żgħażagħ bejn it-18 u l-34 sena kienu f’riskju ta’ dipressjoni fl-2021, minħabba nuqqas ta’ impjieg u prospetti finanzjarji u edukattivi, kif ukoll solitudni u iżolament soċjali.

Tgħallem aktar dwar il-miżuri tal-UE għas-saħħa pubblika

"Qatt ma tista' tagħmel biżżejjed": Is-saħħa mentali fil-post tax-xogħol diġitali

Prevenzjoni ta' kwistjonijiet ta' saħħa mentali marbuta max-xogħol

 

Ir-riżoluzzjoni tappella lill-istituzzjonijiet u l-pajjiżi tal-UE biex jirrikonoxxu l-livell għoli ta’ problemi ta’ saħħa mentali relatati max-xogħol u biex isibu modi kif jgħinu fil-prevenzjoni ta’ problemi ta’ saħħa mentali. Tenfasizza wkoll il-ħtieġa li jinqerdu l-vjolenza, id-diskriminazzjoni u l-fastidju fuq ix-xogħol.

Il-kumitat jappella wkoll għal leġiżlazzjoni li tistabbilixxi rekwiżiti minimi għat-telexogħol madwar l-UE, mingħajr ma jiġu mdgħajfa l-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-teleħaddiema. Tista' tkopri l-kundizzjonijiet tax-xogħol, pereżempju li jibqa’ volontarju, u li d-drittijiet, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, l-ammont ta' xogħol u l-istandards tal-prestazzjoni tat-teleħaddiema jkunu ekwivalenti għal dawk fil-post tax-xogħol.

Il-kumitat jappella wkoll għal sigħat tax-xogħol flessibbli biex jgħinu jtaffu l-istress marbut max-xogħol, edukazzjoni dwar is-saħħa mentali u taħriġ għal min iħaddem. Il-Parlament jipproponi li l-2023 tkun is-Sena tal-UE tas-Saħħa Mentali Tajba biex tenfasizza l-kwistjoni.

L-aħħar rapport jenfasizza t-tħassib tal-Parlament dwar is-saħħa mentali. F'riżoluzzjoni dwar l-istrateġija tas-saħħa pubblika tal-UE wara l-Covid-19 adottata f'Lulju 2020, il-Parlament irrikonoxxa s-saħħa mentali bħala dritt fundamentali tal-bniedem u sejjaħ għal pjan ta' azzjoni tal-UE dwar is-saħħa mentali.

Fl-2021, il-Membri tal-PE sejħu għad-dritt għall-iskonnessjoni mix-xogħol barra l-ħin tax-xogħol mingħajr l-ebda konsegwenzi negattivi.