Steinmeier: "M'hemm l-ebda riċetta ovvja kif tiġġieled it-terroriżmu" 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Frank-Walter Steinmeier waqt il-laqgħa mal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin  

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż Frank-Walter Steinmeier iddiskuta r-riperkussjonijiet tal-attakki terroristiċi f'Pariġi mal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin fis-16 ta' Novembru. Hu kompla jgħid li "l-azzjoni militari waħedha mhijiex ser tkun biżżejjed biex tingħeleb il-problema." Il-President tal-Kumitat Elmar Brokk (il-Ġermanja, EPP) widdeb kontra t-taħlit tal-migrazzjoni u t-terroriżmu: "Ir-rifuġjati huma l-vittmi tat-terrur, mhux parti mit-terrur."

Fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tas-16 ta' Novembru mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż Frank-Walter Steinmeier ġie diskuss kif nistgħu nipproċedu wara l-atroċitajiet terroristiċi f'Pariġi u l-bżonn li tinstab soluzzjoni politika għall-kriżi Sirjana. Għalkemm Steimmeier enfasizza li m'hemm "l-ebda raġuni għal ottimiżmu jew ewforija", qal li, almenu, nistgħu nikkunslaw bil-fatt li d-diskussjonijiet li saru fi Vjenna dwar is-Sirja wasslu biex l-Istati Uniti u r-Russja, kif ukoll l-Iran u l-Arabja Sawdija, jaħdmu flimkien.


Steinmeier qal li għalkemm tinstema "utopjana", diġà hemm ftehim fuq pjan direzzjonali għal waqfien mill-ġlied: "L-oppożizzjoni u l-armata Sirjana għandhom jieqfu jiġġieldu bejniethom; inkella mhux ser ikollhom truppi biex jiggieldu l-ISIS u l-Al Nusra" Sitt xhur minn issa l-membri ta' gvern ta' transizzjoni għandhom ikunu ġew nominati u 18-il xhar ieħor isiru l-elezzjonijiet."

Javier Nart (Spanja, ALDE) saqsa: "Kif nistgħu niġġieldu l-ISIS jekk l-istrateġisti militari jgħidu li hemm bżonn ħames snin u nofs?" Takis Hadjigeorgiou (Ċipru, GUE/NGL) irrimarka li t-Turkija qed tiġġieled il-Peshmerga, waqt li l-Ewropa kienet qed tappoġġa kemm lit-Turkija, kif ukoll lill-Peshmerga.


Barbara Lochbihler (il-Ġermanja, Ħodor/AĦE) laqgħet il-pjan direzzjonali dwar is-Sirja li tfassal fi Vjenna imma rrimarkat li l-kwistjoni dwar Assad għad trid tissolva: "Qed naffaċċjaw delitti tal-gwerra serji ħafna - min hu ħati m'għandux jeħlisha b'impunità."


Reazzjonijiet għall-attakki f'Pariġi

Fid-dawl tal-attakki f'Pariġi, Michèle Alliot Marie (Franza, EPP) saqsiet jekk huwiex il-mument li jiġi implimentat l-Artikolu 222 tat-Trattat ta' Lisbona, li jistipula li "l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jaġixxu flimkien fi spirtu ta' solidarjetà jekk xi Stat Membru jkun suġġett għal attakk terroristiku." Hi kompliet li: "Forsi dan hu l-waqt li nibdew niddiskutu l-kwistjoni ta' forza tad-difiża Ewropea."


Afzal Khan (ir-Renju Unit, S&D) qal: "Irid isir aktar biex il-fruntieri esterni tagħna jkunu aktar siguri u naqsmu l-intelligence b'mod aktar effettiv." Hu nnota wkoll li: "Issa ħafna Musulmani Ewropew qed jibżgħu minn vendikazzjonijiet u aktar diskriminazzjoni."


Bosta MEPs indirizzaw il-kwistjoni ta' Schengen u l-komunikazzjoni bejn entitajiet tal-infurzar tal-liġi madwar l-Ewropa. Charles Tannock (ir-Renju Unit, ECR) saqsa: "Għaliex il-pulizija Ġermaniża ma avżatx lill-awtoritajiet Franċiżi xi ġimgħa ilu meta, allegatament, fil-fruntiera mal-Awstrija qabdu karozza mill-Montenegro li kienet miżgħuda armi u kienet fi triqitha lejn Pariġi?"

James Carver (ir-Renju Unit, EFDD) qal li kien hemm "nuqqas ta' kontrolli suffiċjenti

mal-fruntieri" u saqsa jekk l-attakki ta' Pariġi "effettivament ifissrux it-tmiem ta' Schengen u tal-prinċipju ewlieni tal-moviment liberu tal-persuni?"


Ikklikkja hawn għal aktar aħbarijiet mill-Parlament Ewropew.