X'għandu jsir biex tirnexxi l-integrazzjoni tar-rifuġjati fis-suq tax-xogħol 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Brando Benifei qiegħed jikteb rapport dwar kif ir-rifuġjati jistgħu jiġu integrati fis-suq tax-xogħol ©European Union 2016- EP  

L-Ewropa qed tiffaċċja l-akbar influss ta' migranti mit-Tieni Gwerra 'l hawn, u waħda mill-akbar sfidi hija kif se nintegrawhom fis-swieq tax-xogħol. Impjieg mhux biss jgħin lill-migranti jmantnu lilhom infushom, iżda jgħinhom ukoll jintegraw aktar faċilment. Nhar il-Ħamis 18 ta' Frar, il-kumitat parlamentari responsabbli mill-impjiegi ddiskuta l-opportunitajiet u l-isfidi mal-esperti. Kompli aqra biex tiskopri x'kellhom xi jgħidu huma u l-Membri.

Bħalissa Brando Benifei qiegħed jikteb rapport fuq inizjattiva proprja dwar kif ir-rifuġjati jistgħu jiġu integrati fis-suq tax-xogħol, u l-laqgħa saret biex tipprovdilu kontribut min-naħa tal-esperti. Il-membru Taljan tal-Grupp S&D qal li l-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali tar-rifuġjati huma "tema politiċizzata ħafna".


L-UE għandha kompetenzi limitati f'dawn il-kwistjonijiet u fil-biċċa l-kbira huma l-Istati Membri li jiddeċiedu x'inhuma l-kundizzjonijiet għall-aċċess għas-swieq tax-xogħol u għaldaqstant hemm bosta differenzi bejn pajjiż u ieħor.


L-integrazzjoni tar-rifuġjati fis-suq tax-xogħol


Matul il-laqgħa l-esperti enfasizzaw li m'hemmx soluzzjonijiet sempliċi. Denis Haveaux, id-direttur tal-Uffiċċju tal-UE tas-Salib l-Aħmar, qal: "Integrazzjoni li tirnexxi tirrikjedi mhux biss li jiġu kkunsidrati miżuri li jsostnu l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol, iżda wkoll miżuri addizzjonali u servizzi oħra bħar-riunifikazzjoni tal-familji, l-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-appoġġ psikosoċjali u r-rijabilitazzjoni, il-konsulenza legali, kif ukoll it-taħriġ fil-lingwa tal-post."


Wieħed mill-punti li tqajmu kien dwar il-proċeduri tal-asil, li Hala Akari, mill-Assoċjazzjoni Nazzjonali għar-Rifuġjati Sirjani u l-Inizjattiva Popolari ta' Mariestad fl-Iżvezja, ikkritikat bħala twal wisq. Barra minn hekk, il-kelliema enfasizzaw il-ħtieġa ta' standards komuni għar-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-valutazzjoni tal-ħiliet fil-livell ta' personalità fl-UE. Jean Lambert, membru tal-Grupp tal-Ħodor/ALE mir-Renju Unit, staqsiet kif jista' jinħoloq mod sistemiku għall-evalwazzjoni tal-ħiliet eżistenti tal-persuni. Wolfgang Mueller, mill-Aġenzija Federali Ġermaniża għall-Impjiegi, żied jgħid: "Ir-rifuġjati tal-lum m'għandhomx isiru l-persuni qiegħda għal żmien twil ta' għada."


Jutta Steinruck, membru tal-Grupp S&D mill-Ġermanja, wissiet li l-għajnuna lir-rifuġjati m'għandhiex tkun bi ħsara għall-persuni qiegħda eżistenti: "Kull min qed ifittex impjieg fl-Ewropa għandu jiġi trattat bl-istess mod. Ma tagħmilx differenza jekk humiex ċittadini tal-UE jew persuni minn partijiet oħra tad-dinja."


Is-solidarjetà 


Il-parteċipanti enfasizzaw ukoll il-ħtieġa tas-solidarjetà. Ryszard Cholewinski, speċjalista fil-politika tal-migrazzjoni fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, qal li l-pajjiżi tal-UE għandhom jegħlbu "n-nuqqas ta' solidarjetà". 


Il-valuri huma importanti wkoll. Issa l-Ewropa trid tibbaża ruħha fuq il-valuri tagħha, speċjalment fil-ġlieda kontra kull forma ta' ksenofobija, qalet Elisabeth Morin-Chartier, membru tal-Grupp PPE minn Franza. "L-Ewropa tikkostitwixxi punt ta' attrazzjoni għall-popli kollha, speċjalment minħabba l-valuri li tirrappreżenta."

L-isfidi


Xi wħud, madankollu, qalu li hemm nuqqas ta' qbil dwar kif għandhom jiġu integrati r-rifuġjati. Czeslaw Hoc, membru Pollakk tal-Grupp ECR, ikklassifika wħud mill-punti mqajma bħala "illużorji": "Kull pajjiż għandu l-identità nazzjonali tiegħu. Integrazzjoni mingħajr assimilazzjoni hija utopija."


Il-laqgħa kienet immexxija mill-Viċi President tal-Kumitat għall-Impjiegi Marita Ulvskog, membru tal-Grupp S&D mill-Iżvezja.