Pat Cox: "Għad hemm domanda enormi għal tibdil profond fl-Ukrajna" 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Pat Cox  

"Il-ħtiġijiet tal-Ukrajna ma naqsux, iżda minħabba l-urġenza u l-piż ta' avvenimenti oħra tilfu l-attenzjoni tal-pubbliku." Dan kliem l-ex-President tal-PE, Pat Cox, f'intervista li ta qabel il-Ġimgħa tal-Ukrajna, li hi konferenza dwar prattiki parlamentari tajbin u leġiżlazzjoni tajba li saret fil-Parlament Ewropew bejn id-29 ta' Frar u t-2 ta' Marzu. Attendiet delegazzjoni ta' 40 parlamentarju Ukren. Il-ġimgħa bdiet bil-preżentazzjoni ta' rapport dwar il-bini ta' kapaċità mis-Sur Cox.

Int qed tmexxi l-missjoni tal-Parlament Ewropew għall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet fi ħdan il-parlament Ukren. Tista' ttina xi tagħrif dwar ix-xogħol tal-missjoni?

Wettaqna aktar minn 100 intervista twila ma' membri tal-parlament, presidenti tal-kumitati, l-amministrazzjoni, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u firxa wiesgħa ta' gruppi internazzjonali. Dan kien eżerċizzju fil-fond ħafna fejn smajna x'qalulna u ppruvajna nagħmlu suġġerimenti dwar dawk li, fil-fehma tagħna, ikunu l-ħtiġijiet ta' parlament Ukren riformat. Il-ħtiġijiet tal-Ukrajna ma naqsux, iżda tilfu l-attenzjoni tal-pubbliku.


Tista' tagħtina ħjiel ta' xi rakkomandazzjonijiet mir-rapport tal-missjoni?

Id-dritt li l-membri parlamentari jabbozzaw liġi b'inizjattiva tagħhom hu wieħed mill-espressjonijiet dominanti tal-abbozzar leġiżlattiv fl-Ukrajna, u tant huwa qawwi li l-għadd ta' inizjattivi ssuġġeriti mill-MPs qed ifawru s-sistema. Għamilna għadd ta' suġġerimenti dwar kif din l-enerġija tista' tintuża biex tindirizza oqsma oħra.


Ħarisna wkoll lejn is-sorveljanza politika fuq l-eżekuttiv u x'għandu jkun ir-rwol tal-parlament, kif ukoll kwistjonijiet ta' ftuħ, trasparenza u responsabbiltà lejn iċ-ċittadini. Ħarisna wkoll lejn l-approssimazzjoni tal-liġijiet Ukreni mal-liġijiet tal-UE u għandna numru tajjeb ta' suġġerimenti dwar dan.


Ikun raġonevoli li wieħed jirrimarka li, f'sistemi post-Sovjetiċi, l-istrutturi tal-parti politiċi mhumiex żviluppati ħafna u hemm it-tendenza li n-nies jingħaqdu madwar personalitajiet b'saħħithom. Għalhekk ħarisna lejn l-oqsma ta' koalizzjoni, oppożizzjoni u djalogu. Nissuġġerixxu wkoll li l-parlament jaħdem b'urġenza fuq il-Kodiċi ta' Kondotta tiegħu. Kollox ma' kollox, għandna bejn wieħed u ieħor 50 suġġeriment.


Ilu ftit aktar minn sentejn minn mindu Viktor Yanukovych tneħħa mill-kariga tiegħu fost il-protesti tal-Euromaidan. X'inhi s-sitwazzjoni attwali fl-Ukrajna? 

F'dawn l-aħħar ftit xhur feġġew tensjonijiet qawwija ħafna bejn il-gvern u ċerti fazzjonijiet fil-parlament, u bejn id-diversi elementi fil-parlament/gvern u l-presidenza. Dan iwassal biex is-sitwazzjoni politika attwali tkun waħda fluwida ħafna u bħalissa hemm ħafna tensjoni fi Kiev.


Madankollu, jekk tqis il-volum tal-leġiżlazzjoni u r-riformi, is-sentejn ta' wara t-tluq ta' Yanukovych kienu dawk li tulhom sar tibdil bħal qatt qabel. Jekk tqabbel maz-żewġ deċennji mill-indipendenza tal-Ukrajna s'issa, inkiseb ammont impressjonanti. Jekk wieħed ikejjel l-għanijiet stabbiliti miċ-ċittadini tal-Ukrajna permezz tas-sagrifiċċji li għamlu fil-Maidan, xorta għad hemm domanda enormi, li għadha ma ġietx indirizzata, għal tibdil profond fl-Ukrajna.