Ftehimiet kummerċjali: dak li qed taħdem fuqu l-UE  

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Map on status of EU trade agreements negotiations  

L-UE tinnegozja ftehimiet kummerċjali varji madwar id-dinja kollha, iżda dawn jiddependu mill-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Aqra l-ħarsa ġenerali tagħna tan-negozjati li għaddejjin.

Il-ftehimiet kummerċjali huma komponent ewlieni tal-politika kummerċjali tal-UE. Fit-11 ta' Novembru l-Parlament ivvota favur ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina biex jiġu protetti mill-falsifikazzjoni l-ismijiet ta' 200 speċjalità Ewropea u Ċiniża tal-ikel .

Aktar kmieni din is-sena, il-Membri tal-PE approvaw ftehimiet ta' kummerċ ħieles u ta' protezzjoni tal-investiment mal-Vjetnam, li daħlu fis-seħħ dan is-sajf.

L-importanza tal-ftehimiet kummerċjali

Il-ftehimiet kummerċjali huma importanti ħafna għall-UE peress li huma forza motriċi ewlenija tat-tkabbir ekonomiku. Fl-2018, l-UE kienet it-tieni l-akbar esportatur ta' prodotti (15.5 %) wara ċ-Ċina (15.8 %) iżda qabel l-Istati Uniti (10.6 %). Kienet ukoll it-tieni l-akbar importatur (13.7 %) wara l-Istati Uniti (15.8 %) iżda qabel iċ-Ċina (13.0 %) fl-2018. Il-ftehimiet kummerċjali ġodda joħolqu opportunitajiet ġodda ta' negozju għall-kumpaniji Ewropej, u dan iwassal għall-ħolqien ta' aktar impjiegi, filwaqt li l-konsumaturi jistgħu jistennew aktar għażla u prezzijiet aktar baxxi.

Hemm tħassib li l-ftehimiet kummerċjali jistgħu jwasslu għat-telf ta' impjiegi f'ċerti setturi minħabba ż-żieda fil-kompetizzjoni, iżda dawn il-ftehimiet dejjem joħolqu aktar impjiegi milli jeqirdu. Tħassib ieħor huwa li dawn jistgħu jwasslu biex l-istandards ta' kwalità għolja għal prodotti bħall-ikel jiddgħajfu. Madankollu, peress li l-UE tirrappreżenta suq daqstant kbir, hija tinsab f'pożizzjoni tajba biex timponi l-istandards tagħha fuq il-kumpaniji barranin.

Għall-Membri tal-PE, l-istandards ta' kwalità huma dejjem linja ħamra fil-ftehimiet kummerċjali u kwalunkwe tentattiv biex dawn jitbaxxew, għalihom jaf ikun raġuni biex jirrifjutawhom. Barra minn hekk, in-negozjaturi tal-UE ta' spiss jinkludu klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol fil-ftehimiet kummerċjali biex jgħinu fit-titjib tas-sitwazzjoni fil-pajjiż li nkunu qed nagħmlu kummerċ miegħu.

Tipi ta' ftehimiet


L-UE għandha tipi differenti ta' ftehimiet fis-seħħ mal-pajjiżi. Huma jistgħu jiffokaw fuq it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tal-ostakli tariffarji jew fuq l-istabbiliment ta' unjoni doganali bit-tneħħija tad-dazji doganali u l-istabbiliment ta' tariffa doganali konġunta fuq l-importazzjonijiet barranin.


Madankollu, dawn ma jirrigwardawx biss it-tariffi. Jistgħu jkunu wkoll dwar l-investimenti u dwar kif jiġi trattat tilwim li jinvolvi l-investimenti. Pereżempju, meta kumpanija tħoss li deċiżjoni tal-gvern taffettwa l-investiment tagħha f'dak il-pajjiż. L-ostakli mhux tariffarji, bħalma huma l-istandards tal-prodotti, ukoll huma ta' importanza vitali (pereżempju l-UE pprojbixxiet ċerti ormoni fit-trobbija tal-bhejjem tal-ifrat minħabba preokkupazzjonijiet marbuta mas-saħħa).


Il-ftehimiet jistgħu jgħinu wkoll biex jipproteġu l-prodotti tal-ikel tradizzjonali mill-Ewropa billi jġiegħlu lill-pajjiżi jirrikonoxxu l-indikazzjonijiet ġeografiċi. Dan ifisser li ma tistax tippretendi ċerti deskrizzjonijiet għall-prodotti tiegħek dment li ma jkunux prodotti fir-reġjun u bit-tradizzjoni li huma assoċjati magħha. Dan japplika għal prodotti bħax-Champagne Franċiża u l-feta Griega.

L-Ewropa

In-negozjati mar-Renju Unit għandhom jintemmu din is-sena. Aqra aktar dwar it-taħditiet li għaddejjin bħalissa.

L-Amerka ta' Fuq

Il-ftehim ta' kummerċ ħieles mal-Kanada, magħruf bħala l-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) daħal fis-seħħ b'mod proviżorju fil-21 ta' Settembru 2017. Dan se jidħol fis-seħħ ladarba l-pajjiżi kollha tal-UE jkunu rratifikaw il-ftehim.

Rigward l-Istati Uniti, il-Kunsill tal-UE approva l-mandati ta' negozjar għal ftehim dwar l-eliminazzjoni tat-tariffi għall-prodotti industrijali u għar-rikonoxximent reċiproku tal-valutazzjoni tal-konformità mal-Istati Uniti. Għadhom iridu jiġu deċiżi passi ulterjuri.

L-Asja


Is-Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2019. Il-ftehim mal-Vjetnam daħal fis-seħħ fl-2020.


Ma hemm għaddej l-ebda negozjar ta' kummerċ ħieles maċ-Ċina bħalissa, iżda għaddejjin taħdidiet oħra bħal pereżempju negozjati għal ftehim komprensiv ta' investiment bejn l-UE u ċ-Ċina. F'Settembru 2020, l-UE u ċ-Ċina laħqu ftehim biex jipproteġu l-indikazzjonijiet ġeografiċi ta' 100 prodott Ewropew u ta' 100 prodott Ċiniż fis-swieq ta' xulxin. Dan ġie approvat mill-Parlament fit-11 ta' Novembru. Il-Ftehim se jiġi estiż għal 175 prodott Ewropew u Ċiniż ieħor fl-erba' snin li ġejjin.


Negozjati ma' pajjiżi Asjatiċi oħra


  • Il-Malasja (il-gvern fil-Malasja għadu jrid jieħu pożizzjoni dwar jekk jerġax ikompli bit-taħditiet)
  • L-Indoneżja (l-10 ċiklu ta' taħditiet sar f'Marzu 2020)
  • It-Tajlandja (l-UE lesta li terġa' tkompli bit-taħditiet)
  • Il-Filippini (għad m'hemmx data għaċ-ċiċklu ta' negozjati li jmiss)
  • Il-Mjanmar (it-taħditiet ilhom weqfin mill-2017)
  • L-Indja (iż-żewġ naħat għadhom f'kuntatt regolari)

L-Oċeanja


In-negozjati għal ftehim kummerċjali komprensiv mal-Awstralja tnedew fit-18 ta' Ġunju 2018. In-negozjati għal ftehim ma' New Zealand tnedew fil-21 ta' Ġunju 2018. Fiż-żewġ każijiet, minn dak iż-żmien 'l hawn, saru ċikli ta' taħditiet ulterjuri.


L-Amerka Latina


F'Ġunju 2019 intlaħaq ftehim fil-prinċipju mal-pajjiżi tal-Mercosur, madankollu dan huwa soġġett għall-approvazzjoni mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.


In-negozjati mal-Messiku dwar l-immodernizzar tal-Ftehim Globali bejn l-UE u l-Messiku bdew f'Ġunju 2016. Instab qbil politiku fil-21 ta' April 2018. Madankollu, għadu jrid jiġi approvat mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew qabel ma jkun tista' jidħol fis-seħħ.


Is-seba' ċiklu ta' negozjati maċ-Ċilì sar f'Mejju 2020 permezz ta' vidjokonferenza.


In-Nofsinhar tal-Mediterran u l-Lvant Nofsani


Hemm diversi ftehimiet, inklużi ftehimiet ta' assoċjazzjoni, b'mod partikolari biex jagħtu spinta lill-kummerċ tal-prodotti. Hemm ukoll taħditiet dwar l-espansjoni ta' dawn il-ftehimiet f'oqsma bħall-agrikoltura u l-istandards industrijali ma' pajjiżi individwali.


Ir-rwol tal-Parlament


Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-2009, il-ftehimiet kummerċjali jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Parlament qabel ma jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ. Jeħtieġ ukoll li l-Membri tal-PE jiġu aġġornati b'mod regolari dwar il-progress matul in-negozjati.


Il-Parlament diġà wera li mhux se joqgħod lura milli juża l-veto tiegħu jekk ikun hemm preokkupazzjonijiet serji. Pereżempju, fl-2012 il-Membri tal-PE rrifjutaw il-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA).


Iċċekkja l-infografika tagħna dwar il-pożizzjoni tal-UE fil-kummerċ dinji.

Dan l-artiklu ġie ppubblikat oriġinarjament fid-19 ta' Ottubru 2016 u ġie aġġornat l-aħħar f'Lulju 2020