Relazzjonijiet UE-Turkija bejn kooperazzjoni u tensjonijiet

It-tħassib relatat mad-drittijiet fundamentali u l-azzjoni fis-Sirja wassal biex ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija jiġu rieżaminati. Fiex waslet il-kooperazzjoni?

Il-Membri tal-PE kkritikaw is-sitwazzjoni fit-Tramuntana ta' Ċipru taħt okkupazzjoni Torka fir-Riżoluzzjoni adottata fis-26 ta' Novembru 2020, fejn appellaw għal sanzjonijiet iebsa kontra t-Turkija b'rispons għall-attivitajiet illegali tagħha.


Għalkemm din żgur ma kinitx l-ewwel darba li l-Parlament qajjem tħassib, l-UE u t-Turkija jgawdu minn rabtiet mill-qrib f'ħafna oqsma.


L-UE u t-Turkija ilhom għexieren ta' snin igawdu minn relazzjoni produttiva f'ħafna setturi, li jvarjaw mill-kummerċ san-NATO. Madankollu, f'dawn l-aħħar snin, ir-relazzjonijiet birdu xi ftit hekk kif żdied it-tħassib dwar l-intervent militari tat-Turkija fis-Sirja, l-approċċ tagħha lejn il-migrazzjoni kif ukoll minħabba l-istat tad-dritt u l-qagħda tad-demokrazija fil-pajjiż, fejn l-organi tal-istampa qed jingħalqu u l-ġurnalisti qed jintefgħu l-ħabs. Hemm ukoll tħassib dwar l-attivitajiet illegali tat-Turkija f'Ċipru kif ukoll dwar l-inkursjonijiet tagħha fit-territorju Grieg.


Dawn l-iżviluppi komplew saħħew il-fehma tal-Membri tal-PE biex jirrevedu l-mod kif l-UE u t-Turkija qed jikkollaboraw. Kompli aqra biex ikollok stampa ġenerali tas-sitwazzjoni attwali rigward diversi aspetti tar-relazzjonijiet UE-Turkija.


Ftehim UE-Turkija dwar il-migrazzjoni


Sa minn meta bdiet il-gwerra ċivili fis-Sirja fl-2011, daħlu fit-Turkija madwar 3,6 miljun rifuġjat u llum il-pajjiż għadu jilqa' fi ħdanu l-ikbar komunità ta' rifuġjati fid-dinja.


F'Marzu 2016, l-UE u t-Turkija kkonkludew ftehim li jindirizza l-kriżi migratorja, li wassal għal numru ferm anqas ta' migranti li jidħlu l-Ewropa illegalment. Kompli aqra dwar ir-rispons tal-UE għall-kriżi migratorja.


Skont il-ftehim, il-migranti irregolari kollha li jaqsmu mit-Turkija lejn il-gżejjer Griegi kellhom jintbagħtu lura t-Turkija. Ta' dan it-Turkija rċeviet għajnuna mill-UE bħala fondi umanitarji ta' madwar EUR 6 biljun fl-ambitu tal-Faċilità tal-UE għar-Rifuġjati fit-Turkija.


Madankollu, f'diskors fit-28 ta' Frar 2020, il-President Tork Recep Erdoğan hedded li jerġa' jiftaħ il-fruntiera mal-Greċja peress li skontu, l-UE ma żammitx il-wegħdiet tagħha. Wara dik id-deċiżjoni, il-Greċja ddikjarat stat ta' emerġenza u l-mexxejja tal-UE qablu li jagħtu lill-pajjiż EUR 700 miljun f'assistenza finanzjarja kif ukoll jagħtu żieda sostanzjali fil-fondi għall-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri fil-baġit tal-UE għall-2021-2027.

Tensjonijiet UE-Turkija dwar il-Greċja u Ċipru


Hemm ukoll tħassib dwar l-attivitajiet ta' esplorazzjoni u tħaffir illegali tal-enerġija mit-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran u l-ksur ripetut tal-ispazju tal-ajru Grieg u tal-ilmijiet territorjali Griegi u Ċiprijotti. Il-Membri tal-PE kkundannaw l-azzjonijiet tat-Turkija fiż-żona ekonomika esklussiva Griega u Ċiprijotta u esprimew solidarjetà sħiħa maż-żewġ pajjiżi fir-Riżoluzzjoni adottata fis-17 ta' Settembru 2020.


It-Turkija invadiet lil Ċipru fl-1974, fatt li wassal għall-qsim tal-gżira. It-Turkija biss tirrikonoxxi t-Tramuntana ta' Ċipru taħt okkupazzjoni Torka.


Wara l-iskoperta ta' riżervi ta' gass naturali 'l barra mill-kosta fil-Lvant tal-Mediterran, it-Turkija użat il-militar biex tidħol fl-ilmijiet territorjali u fl-ispazju tal-ajru ta' pajjiżi ġirien u twettaq operazzjonijiet ta' tħaffir.


L-adeżjoni mal-UE: sospensjoni tat-taħditiet ta' adeżjoni?


It-Turkija ilha membru assoċjat tal-Komunità Ekonomika Ewropea sa mill-1963 u applikat biex issir Stat Membru fl-1987. Fl-1999 ġiet rikonoxxuta bħala pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-UE, iżda n-negozjati ma bdewx qabel l-2005. Anke wara din id-data l-progress li sar kien ftit. Infetħu biss 16-il kapitolu minn 35, u ngħalaq wieħed biss. Wara r-repressjoni min-naħa tal-gvern Tork b'reazzjoni għall-kolp ta' stat li falla tal-15 ta' Lulju 2016, in-negozjati effettivament intemmu, u minn dak iż-żmien 'l hawn ma nfetaħ l-ebda kapitolu ġdid.


F'Novembru 2016, il-Membri tal-PE adottaw riżoluzzjoni li titlob is-sospensjoni tan-negozjati waqt li tkun għadha għaddejja r-repressjoni fit-Turkija. F'riżoluzzjoni adottata f'Lulju 2017 tennew it-talba tagħhom għal sospensjoni minħabba t-tħassib kontinwu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Għalkemm mhumiex vinkolanti, dawn ir-riżoluzzjonijiet jibagħtu sinjal importanti.


Il-Membri tal-PE jiddiskutu regolarment dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż. Pereżempju, fi Frar 2018 iddiskutew id-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija, kif ukoll l-operazzjoni militari tal-pajjiż f'Afrin, is-Sirja. Fl-istess xahar adottaw ukoll riżoluzzjoni li fiha talbu lit-Turkija tneħħi l-istat ta' emerġenza.

Kundanna tal-intervent militari fis-Sirja

F'Ottubru 2019, it-Turkija varat operazzjoni militari fit-Tramuntana tas-Sirja biex toħloq żona ta' lqugħ bejn iż-żewġ pajjiżi li fiha setgħu jiġu trasferiti r-rifuġjati Sirjani li jgħixu fit-Turkija. Waqt id-dibattitu tat-23 ta' Ottubru l-Membri tal-PE kkundannaw din l-azzjoni. Fl-24 ta' Ottubru adottaw ukoll riżoluzzjoni li fiha appellaw għal sanzjonijiet kontra t-Turkija minħabba l-operazzjoni militari tagħha.


Il-President Tork Recep Tayyip Erdoğan jindirizza lill-partitarji © Yasin Bulbul/AP Photos/Unjoni Ewropea EP
Recep Tayyip Erdogan ©Yasin Bulbul/AP Photos/European Union-EP

Lejn kooperazzjoni ekonomika aktar mill-qrib


F'Diċembru 2016 il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li taġġorna l-unjoni doganali eżistenti mat-Turkija u testendi r-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali, iżda l-Kunsill għadu ma approvax il-mandat tagħha. Ladarba n-negozjati jitlestew, il-ftehim xorta jkollu jiġi approvat mill-Parlament qabel ma jkun jista' jidħol fis-seħħ.


L-UE hija bil-bosta l-ikbar suq tal-esportazzjoni tat-Turkija (42,4% fl-2019), filwaqt li t-Turkija hija l-ħames l-akbar sieħba kummerċjali tal-UE kemm fir-rigward tal-importazzjonijiet kif ukoll tal-esportazzjonijiet.


Dan l-artiklu oriġinarjament ġie ippubblikat fis-27 ta' April 2017, aġġornat fil-11 ta' Novembru 2019, fit-13 ta' Marzu 2020 u fit-30 ta' Novembru.

Lejn kooperazzjoni ekonomika aktar mill-qrib

 

F'Diċembru 2016 il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li taġġorna l-unjoni doganali eżistenti mat-Turkija u testendi r-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali, iżda l-Kunsill għadu ma approvax il-mandat tagħha. Ladarba n-negozjati jitlestew, il-ftehim xorta jkollu jiġi approvat mill-Parlament qabel ma jkun jista' jidħol fis-seħħ.

 

L-UE hija bil-bosta l-ikbar suq tal-esportazzjoni tat-Turkija (50 %), filwaqt li t-Turkija hija l-ħames l-akbar sieħba kummerċjali tal-UE kemm fir-rigward tal-importazzjonijiet kif ukoll tal-esportazzjonijiet.

 

Dan l-artiklu oriġinarjament ġie ippubblikat fis-27 ta' April 2017, aġġornat fil-11 ta' Novembru 2019 u fis-16 ta' Marzu 2020.