Viżi Umanitarji: "Dritt li tiġi mismugħ mingħajr riskju għal ħajtek" 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Juan Fernando López Aguilar  

Biex persuni li jfittxu asil jitħallew jaslu l-Ewropa mingħajr ma jpoġġu ħajjithom f'riskju, il-Parlament qed jitlob li tiġi stabbilita sistema ta' viża umanitarja tal-UE ġdida.

Il-proposta, approvata mill-MPE fil-11 ta' Diċembru, tistieden lill-Kummissjoni tressaq leġiżlazzjoni li tippermetti li persuni li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali japplikaw għal viża f'ambaxxata jew konsulat tal-UE. Sir af aktar dwar l-inizjattiva leġiżlattiva fl-intervista tagħna mal-awtur tar-rapport Juan Fernando López Aguilar (S&D, Spanja).

 

Tista' tiddeskrivi l-proposti tiegħek dwar l-istabbiliment ta' viża umanitarja Ewropea?

Aktar minn 90 % tal-persuni li jitolbu asil fl-Ewropa waslu permezz ta' mezzi irregolari, u għandna nistaqsu għaliex? Minħabba li ma ngħataw l-ebda mogħdija legali biex jaslu fl-UE. Il-proposti tagħna jfissru li int għandek id-dritt li tinstema', mingħajr ma tirriskja ħajtek u mingħajr ma tesponi lilek innifsek u lill-għeżież tiegħek għat-traffikar illeċitu tal-bnedmin.

Inti tingħata permess territorjalment limitat biex tidħol fi Stat Membru tal-UE speċifiku biex titlob asil. Inti tkun tista' tagħmel dan f'konsulat jew f'ambaxxata Ewropea, jew f'delegazzjoni tal-UE barra mill-UE. Din għandha tkun soluzzjoni għal dawk li bħalissa ma għandhom l-ebda għażla oħra ħlief li jesponu lilhom infushom għal traffikar illeċitu. Ftakar li f'dawn l-aħħar ftit snin mill-inqas 30,000 ruħ tilfu ħajjithom fil-Mediterran.

Min jingħata dawn il-viżi?

Hemm firxa sħiħa ta' każijiet, pereżempju familja li tappartjeni għal komunità reliġjuża soġġetta għall-persekuzzjoni jew għall-vjolenza sistemika. Dan huwa l-każ għall-Insara fis-Sirja u fl-Iraq, jew persuni li mhumiex Musulmani fl-Afganistan, kif ukoll persuni LGBT fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Musulmani, jew komunitajiet etniċi li s-sikurezza tagħhom tinsab fil-periklu.


Jekk jiġu approvati mill-Parlament, xi jkun il-pass li jmiss?

Peress li huwa rapport fuq inizjattiva proprja, mhux qed nitkellmu dwar liġi vinkolanti f'daqqa. Hija stedina lill-Kummissjoni biex tissottometti leġiżlazzjoni li tittratta din il-kwistjoni.


Stħarriġiet riċenti juru li l-immigrazzjoni għada ta' tħassib għall-Ewropej. Xi proposti oħrajn għandu l-Parlament?

L-ewwel nett għandhom jiġu separati l-fatti mill-perċezzjonijiet. Hemm perċezzjoni mifruxa li l-migrazzjoni hija barra mill-kontroll, invażjoni aggressiva tal-UE, żiemel ta' Troja. Ma hemm l-ebda evidenza empirika li ssostni din il-fehma; huwa fatt li l-għadd ta' wasliet qed jonqos b'mod drammatiku.

Għandna mandat biex naġixxu b'solidarjetà u naqsmu r-responsabbiltà permezz ta' sistema Ewropea komuni tal-asil. Madankollu l-Kunsill huwa l-ħolqa nieqsa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE. Dan il-Parlament għamel l-almu tiegħu biex iwassal leġiżlazzjoni li tinkludi r-reviżjoni tal-hekk imsejjaħ Regolament ta' Dublin, li jirriżulta f'allokazzjoni estremament inġusta tar-responsabbiltajiet. Għandna bżonn ta' sistema Ewropea komuni biex jiġu ttrattati t-talbiet għal asil u biex ma jintefax piż żejjed fuq dawk il-pajjiżi li jiffaċċjaw il-Mediterran.