Il-MPE jitolbu li tonqos it-tensjoni fis-sitwazzjoni tal-migrazzjoni mat-Turkija 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-MPE jitolbu li tonqos it-tensjoni fis-sitwazzjoni tal-migrazzjoni mat-Turkija ©REUTERS/Marko Djurica/stock.adobe.com  

L-UE għandha tkompli bid-djalogu tagħha mat-Turkija biex tonqos it-tensjoni fis-sitwazzjoni tal-migrazzjoni fil-fruntiera bejn il-Greċja u t-Turkija.

Eluf ta' migranti u persuni li jfittxu l-asil daħlu fil-Greċja mill-fruntieri tat-Turkija peress li ftit aktar minn ġimgħa ilu l-President Tork Recep Tayyip Erdogan kiser patt dwar il-migrazzjoni tal-2016 mal-UE billi fetaħ il-fruntieri tat-Turkija mal-Ewropa. Skont dan il-patt, l-UE wiegħdet li tħallas lit-Turkija sitt biljun Euro biex it-Turkija trażżan il-flussi tal-migrazzjoni.

Il-MPE ddiskutew is-sitwazzjoni attwali fil-fruntiera bejn il-Greċja u t-Turkija u r-rispons komuni tal-UE għaliha ma' Ylva Johansson, Kummissarju għall-Affarijiet Interni, u Nikolina Brnjac, li rrappreżentat lill-presidenza Kroata, it-Tlieta, 10 ta' Marzu, waranofsinhar fi Brussell.

"Matul l-aħħar ftit jiem rajna l-attitudni perikoluża ħafna tal-President tat-Turkija li juża persuni vulnerabbli għall-benefiċċju tiegħu stess u għall-politika tiegħu," qalet Iratxe García Pérez (S&D, Spanja).

Manfred Weber (PPE, il-Ġermanja) appella biex jinbeda djalogu mat-Turkija u biex "titnaqqas it-tensjoni tas-sitwazzjoni fil-fruntiera bejn il-Greċja u t-Turkija."

Il-Kummissarju Johansson qablet ma' dan: "Għandna nkomplu d-djalogu tagħna. Għandna nnaqqsu t-tensjoni tar-retorika u l-intensità, li żdiedet. Dan jinkludi li tinstab triq 'il quddiem mat-Turkija. Il-linji tal-komunikazzjoni mat-Turkija jibqgħu miftuħa u attivi."

Xi Membri tal-Parlament qalu li l-UE għandha tuża s-sitwazzjoni attwali biex tpoġġi r-riformi tar-regoli komuni dwar l-asil lura fuq l-aġenda tal-UE. Oħrajn riedu li l-ftehim mat-Turkija jiġi rivedut.

Filwaqt li rrikonoxxiet li "s-sitwazzjoni attwali fil-fruntieri esterni tagħna mhijiex aċċettabbli," Brnjac qalet li "aħna qed nistennew li t-Turkija tkompli bl-implimentazzjoni sħiħa tad-dikjarazzjoni konġunta tal-2016."

Johansson enfasizzat ukoll li d-dikjarazzjoni attwali bejn l-UE u t-Turkija tibqa' valida.

"Is-sitwazzjoni fil-fruntiera esterna Ewropea lejn it-Turkija hija inkwetanti. Imma għandi ngħid ukoll li m'aħniex fl-2015," qalet il-Kummissarju, b'referenza għas-sena meta waslu aktar minn miljun persuna jfittxu asil u migranti fl-Ewropa.

"Aħna ppreparati ħafna, ħafna aħjar issa biex nimmaniġġjaw is-sitwazzjoni għax nafu aħjar x'għandna nistennew," qalet, filwaqt li nnutat li l-UE saħħet l-aġenziji tagħha bħall-gwardja tal-kosta Frontex, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil, u li hija tara aktar rieda għall-kooperazzjoni fost l-Istati Membri.

F'Novembru 2017, il-Parlament adotta riżoluzzjoni li talbet reviżjoni mill-qiegħ tar-regoli komuni dwar l-asil, sabiex tiżdied it-tħejjija tal-UE biex tilqa' l-migranti u l-persuni li jfittxu l-asil u biex jiġu żgurati solidarjetà akbar u qsim aktar ġust tar-responsabbiltà fost il-pajjiżi tal-UE.

Il-MPE s-sena li għaddiet approvaw ukoll liġi ġdida biex il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tissaħħaħ, sabiex tiġi żgurata protezzjoni aħjar tal-fruntieri esterni tal-UE.