L-impatt tal-coronavirus fl-Afrika jista' jkun devastanti

Il-coronavirus fl-Afrika jista' jkun devastanti; ir-rispons tal-Ewropa għandu jmur lil hinn mill-fruntieri tagħna, qal il-President tal-Kumitat għall-Iżvilupp Tomas Tobé.

EU Covid-19 aid on its way to non-EU countries

Minħabba l-vulnerabbiltà tas-sistemi tal-kura tas-saħħa f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-coronavirus jista' jkollu effetti devastanti, iwissu l-Membri tal-Kumitat tal-Parlament għall-Iżvilupp. L-UE qed taħdem biex tappoġġja l-Istati Membri tagħha u ttaffi l-impatt ekonomiku fl-Ewropa, iżda l-coronavirus huwa pandemija u ma jafx fruntieri. F'riżoluzzjoni tas-17 ta' April, il-Parlament issottolinja l-bżonn għall-kooperazzjoni u s-solidarjetà internazzjonali u t-tisħiħ tas-sistema tan-NU, u b'mod partikolari d-WHO.

Ir-rispons globali tal-UE għall-Covid 19

Fit-8 ta' April, l-UE varat "Tim Ewropa", pakkett ta' aktar minn €20 biljun f'għajnuna lill-pajjiżi l-aktar vulnerabbli b'mod partikolari fl-Afrika u fil-viċinat tal-UE fil-ġlieda kontra l-pandemija u l-konsegwenzi tagħha. Il-biċċa l-kbira ta' dan il-finanzjament ġej mill-orjentazzjoni mill-ġdid tal-fondi u l-programmi eżistenti tal-UE.

Il-Parlament jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni għal rispons globali mill-UE. Il-Membri tal-PE ngħaqdu wkoll mal-appelli mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u l-Bank Dinji biex jiġu sospiżi l-pagamenti tad-dejn tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fid-dinja.

Skopri dwar ir-rispons globali tal-UE fil-filmat tagħna ↑.

Interview with Tomas Tobe
Interview with Tomas Tobe

Filwaqt li l-Covid-19 ikompli jevolvi fl-Afrika (issa jinsab fil-pajjiżi kollha ħlief għal tnejn), aħna staqsejna lill-President tal-Kumitat tal-Parlament għall-Iżvilupp, Tomas Tobé (PPE, SE) dwar ir-rispons tal-UE.

L-UE qed tagħmel biżżejjed biex tgħin lill-pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra l-coronavirus jew għandna nintensifikaw ir-rispons tagħna?


Iva u le. Iva, aħna nikkoordinaw, permezz ta' "Tim Ewropa", l-allokazzjoni ta' €20 biljun euro, iżda jeħtieġ niżguraw ukoll li l-Istati Membri jintensifikaw l-azzjoni tagħhom għax għandna bżonn flus ġodda. Bħala UE għandna bżonn nikkoordinaw u niżguraw li fil-fatt nilħqu dawk l-aktar fil-bżonn. Aktarx hemm nuqqas ta' rappurtar fin-numru ta' każijiet fl-Afrika, huwa għalhekk li għandna naġixxu malajr ħafna.

Taħseb li t-tħassib tal-UE dwar is-sitwazzjoni fl-Afrika jista' jonqos fid-dawl tal-isfidi domestiċi attwali tagħna?


Le. Naħseb kulħadd jasal jifhem li lkoll ninsabu fl-istess sitwazzjoni. Din il-pandemija ma tafx fruntieri u jeħtieġ ikollna suċċess kullimkien. U huwa pjuttost ċar li fl-Afrika l-isfida hija verament kbira. Minħabba li hemm persuni aktar vulnerabbli, is-sistema tal-kura tas-saħħa mhix tajba biżżejjed f'ħafna Stati u m'hemmx biżżejjed sodod.
Huwa fl-interessi tas-solidarjetà li niżguraw li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex insalvaw il-ħajjiet tal-bnedmin. Sa ċertu punt, huwa wkoll fl-interess Ewropew minħabba li ma rridux naraw it-tieni u t-tielet mewġa ta' din il-pandemija tilħaq lill-Ewropa mill-pajjiżi ġirien.

Fil-bidu ta' Marzu, il-Kummissjoni ppubblikat strateġija ġdida UE-Afrika. Din għadha rilevanti fil-kuntest tal-kriżi corona?

Naħseb li hija rilevanti ħafna għaliex tiġbed l-attenzjoni dwar kif neħtieġu noħolqu sħubija ġdida mal-Afrika, fejn inħallu dil-perspettiva ta' donatur u riċevitur. Għandna bżonn naraw ħafna mill-pajjiżi Afrikani bħala sħab. It-tnaqqis ekonomiku dinji dovut għall-coronavirus jissottolinja l-importanza ta' strateġija ġdida.
L-aktar ħaġa importanti issa hija li niżguraw li fil-fatt inwettqu din is-sħubija. F'Ottubru se jkollna summit UE-Afrika, nittamaw. Bħala Parlament Ewropew, qed inħejju l-pożizzjoni tagħna dwar din l-istrateġija.

Skopri x'qed tagħmel l-UE fil-ġlieda kontra l-coronavirus