Il-protezzjoni tal-libertà tal-istampa matul il-pandemija tal-Covid 19 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-kriżi tal-Covid 19 laqtet ħażin ħafna lis-settur tal-midja fi żmien meta dan għandu r-rwol kruċjali li jagħti informazzjoni preċiża u jiġġieled id-diżinformazzjoni dwar il-pandemija.

Is-settur qed iħabbat wiċċu ma' tnaqqis kbir fid-dħul mir-reklamar u l-Parlament jibża' li s-sitwazzjoni finanzjarja li sejra għall-agħar tista' tfisser li l-organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet ma għadhomx jistgħu jipprovdu informazzjoni ċara u fattwali u jiġġieldu d-diżinformazzjoni dwar il-pandemija tal-coronavirus.

F'riżoluzzjoni vvutata fis-17 ta' April, il-Membri tal-Parlament Ewropew qalu li d-diżinformazzjoni dwar il-Covid‑19 hija problema kbira għas-saħħa pubblika, li ċ-ċittadini kollha għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni preċiża u verifikata u li f'demokrazija jinħtieġ li jkun hemm midja ħielsa, indipendenti u ffinanzjata biżżejjed.

Il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-midja u l-pluraliżmu huma stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, kif ukoll fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.


 

Infografika li turi l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE dwar il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni  

Fond ta' appoġġ ta' emerġenza għall-midja

 

Sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni kritika li qed tħabbat wiċċha magħha l-midja, il-Membri Parlamentari tal-Kumitat CULT talbu lill-KE biex tikkunsidra fond ta' emerġenza għall-midja u l-istampa.

Diġà ttieħdu xi miżuri biex jappoġġaw il-libertà tal-midja u jipproteġu lill-ġurnalisti. F'Marzu 2020, l-Unjoni Ewropea għamlet disponibbli EUR 5.1 miljun biex tiffinanzja proġetti li għandhom l-għan li jidentifikaw u jipprevjenu l-ksur tal-libertà tal-istampa, jidentifikaw riskji għall-pluraliżmu u jappoġġaw investigazzjonijiet transkonfinali.

Skopri 10 affarijiet li l-UE qed tagħmel fil-ġlieda kontra l-coronavirus


Jum Dinji tal-Libertà tal-Istampa


It-3 ta' Mejju huwa l-Jum Dinji tal-Libertà tal-Istampa Ir-Reporters Mingħajr Fruntieri (RSF) għadha kif ippubblikat l-edizzjoni tal-2020 tal-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa li jqis ukoll it-theddida għall-ġurnaliżmu ħieles u ġust minħabba t-tifqigħa tal-coronavirus.

 

L-Ewropa kkonfermata bħala l-aktar post sikur għall-ġurnalisti


Skont l-Indiċi tal-2020, l-Ewropa baqgħet il-kontinent li l-aktar li jiżgura l-libertà tal-istampa. Il-pajjiżi tal-UE huma fil-parti l-kbira kklassifikati bħala "tajbin" jew "pjuttost tajbin". Il-Finlandja, id-Danimarka, l-Iżvezja u n-Netherlands baqgħu jirreġistraw l-aħjar punteġġi.

Infografika dwar il-klassifikazzjonijiet tal-libertà tal-istampa tal-pajjiżi tal-UE fl-2020  

Għalkemm l-UE hija l-aktar post sikur għall-ġurnalisti, RSF twissi li kien hemm każijiet ta' fastidju u theddid lill-ġurnalisti.


Żieda fir-riskji għall-ġurnalisti madwar id-dinja

Il-miżuri ta' emerġenza meħuda minn xi gvernijiet b'reazzjoni għat-tifqigħa tal-Covid‑19 kellhom impatt fuq il-klassifikazzjoni ta' xi pajjiżi bħaċ-Ċina (ikkonfermata fil-177 post), l-Iran (li niżel 3 positjiet u issa jinsab fil-173 post) u l-Iraq (li niżel 6 positjiet u issa jinsab fil-162 post).


Il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq għadhom l-aktar reġjuni perikolużi fid-dinja għall-ġurnalisti, filwaqt li r-reġjun tal-Asja-Paċifiku kellu l-akbar żieda fil-ksur tal-libertà tal-istampa (żieda ta' 1.7 %).


L-RSF irrappurtat li s'issa fl-2020 inqatlu 11-il ġurnalist. L-2019 kienet is-sena bl-anqas fatalitajiet f'dawn l-aħħar 16-il sena b'49 każ ta' qtil ta' ġurnalisti madwar id-dinja, minħabba t-tnaqqis fl-għadd ta' mwiet f'kunflitti armati (44 % anqas mis-sena ta' qabel).

Infografika dwar l-għadd ta' ġurnalisti maqtula, detenuti jew miżmuma ostaġġi fid-dinja fl-2019 u l-evoluzzjoni ta' dan l-għadd mill-2010  

Minkejja xi ċifri pożittivi, is-sitwazzjoni ġenerali tal-libertà tal-midja madwar id-dinja marret għall-agħar u l-ostilità lejn il-ġurnalisti żdiedet. L-għadd ta' pajjiżi kkunsidrati sikuri għall-ġurnalisti qed ikompli jonqos, u 24 % biss tal-180 pajjiż huma kklassifikati bħala "tajbin" jew "tajbin ħafna" fl-2019 u fl-2020, meta mqabbel ma' 26 % fl-2018 u 27 % fl-2017.


Madwar 361 ġurnalist huma attwalment miżmuma, li huma anqas mit-389 każ fl-2019. Kważi terz minnhom huma fiċ-Ċina. Il-bqija huma kkonċentrati fl-Eġittu, l-Arabja Sawdija, is-Sirja, it-Turkija, il-Vjetnam, l-Iran, il-Baħrejn u l-Jemen. L-għadd ta' ġurnalisti miżmuma bħala ostaġġi baqa' stabbli fl-2019. Dawn jinsabu f'erba' pajjiżi: Is-Sirja, il-Jemen, l-Iraq u l-Ukrajna. Iċ-ċifri għall-2020 li jikkonċernaw l-ostaġġi għadhom mhumiex disponibbli.


L-indiċi annwali tar-Reporters Mingħajr Fruntieri jikklassifika 180 pajjiż u reġjun skont il-grad tal-libertà tal-istampa. Il-pajjiżi jingħataw punteġġ bejn 0 u 100 billi jitqiesu l-kriterji, inklużi l-pluraliżmu, l-indipendenza tal-midja, il-qafas leġiżlattiv, it-trasparenza u l-livell ta' abbuż kontra l-ġurnalisti. Iktar ma jkun baxx il-punteġġ, iktar ikun għoli l-livell tal-libertà tal-istampa fil-pajjiż.