Nesploraw il-kawżi tal-migrazzjoni – in-nies għaliex jemigraw?  

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Group of migrants walking along railway tracks. ©Ajdin Kamber/AdobeStock  

In-nies jemigraw għal ħafna raġunijiet, li jvarjaw mis-sigurtà, id-demografija u d-drittijiet tal-bniedem għall-faqar u t-tibdil fil-klima. Skopri aktar.

Fl-1 ta' Jannar 2019, l-għadd ta' persuni residenti f'pajjiż tal-UE li kellhom iċ-ċittadinanza ta' pajjiż mhux membru kien ta' 21.8 miljun, jiġifieri 4.9% tal-popolazzjoni tal-UE-27. Fl-1 ta' Jannar 2019, 13.3-il miljun persuna oħra li jgħixu f'wieħed mill-pajjiżi tal-UE-27 kienu ċittadini ta' pajjiż ieħor tal-UE.

Għaliex in-nies jemigraw lejn l-Ewropa jew lejn pajjiż ieħor tal-UE?

Fatturi ta' spinta u ta' attrazzjoni

Il-fatturi ta' spinta huma r-raġunijiet li minħabba fihom in-nies jitilqu minn pajjiżhom. Il-fatturi ta' attrazzjoni huma r-raġunijiet li minħabba fihom in-nies jiċċaqalqu lejn pajjiż partikolari. Hemm tliet fatturi ta' spinta u ta' attrazzjoni ewlenin.

Fatturi soċjopolitiċi

Il-persekuzzjoni etnika, reliġjuża, razzjali, politika jew kulturali tagħti spinta lin-nies jitilqu minn pajjiżhom. Fattur ewlieni huwa l-gwerra, il-kunflitt, il-persekuzzjoni mill-gvern jew it-theddida sinifikanti tagħhom. Dawk li jaħarbu minn kunflitt armat, minn ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew minn persekuzzjoni huma aktar suxxettibbli li jkunu rifuġjati umanitarji. Dan ikollu impatt fuq fejn imorru jgħixu peress li xi pajjiżi għandhom approċċi aktar liberali għall-migranti umanitarji minn oħrajn. Qabel xejn, dawn l-individwi x'aktarx jiċċaqalqu lejn l-eqreb pajjiż sikur li jaċċetta persuni li jfittxu l-ażil.

F'dawn l-aħħar snin, għadd kbir ta' persuni ħarbu lejn l-Ewropa biex jeħilsu mill-kunflitt, mit-terrur u mill-persekuzzjoni f'pajjiżhom. Fl-2019, mill-295,800 persuna li fittxew l-ażil u li ngħataw status ta' protezzjoni fl-UE, aktar minn kwart ġew mis-Sirja mifnija bil-gwerra, waqt li t-tieni u t-tielet l-akbar gruppi ġew mill-Afganistan u mill-Iraq rispettivament.

Agħti daqqa t'għajn lejn l-infografika tagħna dwar l-għadd ta' applikazzjonijiet għall-ażil fl-UE.


Fatturi demografiċi u ekonomiċi

Il-bidla demografika tiddetermina kif in-nies jiċċaqalqu u jemigraw. Il-fatt li popolazzjoni tkun qed tikber jew tiċkien, jew li din tkun qed tixjieħ jew tkun żagħżugħa, għandu impatt fuq it-tkabbir ekonomiku u l-opportunitajiet ta' impjieg fil-pajjiżi ta' oriġini jew fuq il-politiki ta' migrazzjoni fil-pajjiżi ta' destinazzjoni.

Il-migrazzjoni demografika u ekonomika hija relatata mal-istandards tax-xogħol, il-qgħad u s-saħħa ġenerali tal-ekonomija ta' pajjiż. Il-fatturi ta' attrazzjoni jinkludu pagi ogħla, opportunitajiet ta' impjieg aħjar, livell ta' għajxien ogħla u opportunitajiet edukattivi. Jekk il-kundizzjonijiet ekonomiċi ma jkunux favorevoli u jkun jidher li jinsabu fir-riskju li jkomplu jmorru għall-agħar, għadd akbar ta' individwi probabbilment jemigraw lejn pajjiżi bi prospettivi aħjar.

Skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol tan-NU, fl-2017 kien hemm madwar 164 miljun ħaddiem migrant – iddefiniti bħala persuni li jemigraw bil-ħsieb li jiġu impjegati – u dawn kienu jirrappreżentaw kważi żewġ terzi tal-migranti internazzjonali. Kważi 70% nstabu f'pajjiżi b'introjtu għoli, 18.6% f'pajjiżi b'introjtu medju superjuri, 10.1% f'pajjiżi b'introjtu medju baxx u 3.4% f'pajjiżi b'introjtu baxx.

Fatturi ambjentali

L-ambjent dejjem kien xprun tal-migrazzjoni, peress li n-nies jaħarbu minn diżastri naturali, bħal għargħar, uragani u terremoti. Madankollu, it-tibdil fil-klima huwa mistenni li jaggrava l-avvenimenti estremi tat-temp, u dan ifisser li aktar nies jistgħu jiċċaqalqu.

Skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, il-migranti ambjentali huma dawk li, għal raġunijiet ta' bidliet f'daqqa jew progressivi fl-ambjent li jaffettwawlhom ħażin ħajjithom jew il-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom, huma sfurzati jħallu d-djar abitwali tagħhom, b'mod temporanju jew b'mod permanenti, u li jiċċaqalqu ġewwa pajjiżhom jew 'il barra mill-pajjiż.

Huwa diffiċli li jiġi stmat kemm-il migrant ambjentali jeżisti fuq livell globali minħabba fatturi bħat-tkabbir tal-popolazzjoni, il-faqar, il-governanza, is-sigurtà tal-bniedem u l-kunflitti, li għandhom impatt. L-istimi jvarjaw minn 25 miljun sa biljun sas-sena 2050.

Patt ġdid tal-UE dwar il-migrazzjoni

Il-ġestjoni effettiva tal-migrazzjoni biex jiġu indirizzati l-persuni li jfittxu l-ażil u jiġu protetti l-fruntieri esterni ilha prijorità tal-UE għal bosta snin. Fit-23 ta' Settembru, il-Kummissjoni pproponiet Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, li jistabbilixxi proċeduri mtejba u aktar rapidi fis-sistema tal-ażil u l-migrazzjoni tal-UE. Il-patt il-ġdid huwa reviżjoni tar-Regolament ta' Dublin, li jiddetermina l-pajjiż responsabbli għall-ipproċessar ta' kull talba għall-ażil.

Aqra aktar dwar il-migrazzjoni fl-Ewropa:

Skopri aktar