Kif l-UE qed tagħti appoġġ lill-Ukrajna 

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Fid-dawl tal-pressjonijiet dejjem akbar min-naħa tar-Russja fuq l-Ukrajna, l-UE lesta tappoġġa lil Kiev u ssawwar rabtiet aktar mill-qrib. Skopri kif.

Mix-xoljiment tal-Unjoni Sovjetika fl-1991, l-Ukrajna kompliet miexja fi triqitha, anki billi sawret rabtiet aktar mill-qrib mal-bqija tal-Ewropa.


Minħabba d-determinazzjoni ta' Moska biex lill-Ukrajna żżommha fl-isfera tal-influwenza Russa, ir-relazzjonijiet bejn l-Ukrajna u Russja baqgħu mimlijin tensjoni. Fl-2014, bi ksur tad-dritt internazzjonali, ir-Russja kompliet bl-annessjoni tal-Krimea, mossa kkundannata b'mod qawwi mill-UE. Fl-istess ħin, bdiet l-offensiva kontra l-Ukrajna permezz ta' gwerra ibrida, pressjonijiet ekonomiċi u attakki ta' diżinformazzjoni.



Ftehim ta' Assoċjazzjoni


F'Settembru 2014, il-Parlament Ewropew approva l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukrajna, li jinkludi ftehim ta' kummerċ ħieles approfondit u komprensiv. Il-ftehim stabbilixxa assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-Ukrajna permezz ta' aċċess liberu għas-swieq ta' xulxin.


Il-ftehim stabbilixxa wkoll regoli bażiċi għall-kooperazzjoni f'oqsma bħall-enerġija, it-trasport u l-edukazzjoni. Esiġa wkoll li l-Ukrajna timplimenta riformi, tirrispetta l-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt.


Il-ftehim ta' kummerċ ħieles integra sostanzjalment is-swieq tal-UE u tal-Ukrajna billi żarma d-dazji tal-importazzjoni u pprojbixxa restrizzjonijiet kummerċjali oħra, għad li b'limitazzjonijiet speċifiċi u perjodi ta' tranżizzjoni f'oqsma sensittivi, bħall-kummerċ ta' prodotti agrikoli.


L-UE hija s-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-Ukrajna, b'aktar minn 40% tal-kummerċ internazzjonali tal-pajjiż.



Viżi


F'April 2017, il-Parlament Ewropew approva ftehim li jeżenta liċ-ċittadini tal-Ukrajna mill-obbligu ta' viża għal soġġorn qasir fl-UE.

Iċ-ċittadini tal-Ukrajna li għandhom passaport bijometriku jistgħu jidħlu għal 90 jum fl-UE mingħajr viża, għal perjodu ta' 180 jum, għal skopijiet ta' turiżmu, żjarat lill-familja jew lill-ħbieb, jew għal raġunijiet kummerċjali, iżda mhux għal skopijiet ta' xogħol. L-eżenzjoni tapplika għall-pajjiżi kollha tal-UE, għajr għall-Irlanda.



Inizjattivi oħra


Bil-għan li tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u tgħin lill-pajjiż fir-riformi, l-UE varat diversi inizjattivi biex tappoġġa l-ekonomija tal-Ukrajna.

Mill-2014, l-UE u l-istituzzjonijiet finanzjarji ħarġu aktar minn €17-il biljun f'għotjiet u f'self bħala appoġġ għar-riformi fl-Ukrajna, mogħtija skont il-prinċipju tal-kundizzjonalità, jiġifieri skont il-progress li jkun sar.


Mill-2015, aktar minn 11,500 student mill-Ukrajna pparteċipaw fil-programm popolari tal-UE Erasmus+.


Biex tistimola l-ekonomija tal-Ukrajna, l-UE tinvesti f'diversi proġetti fosthom appoġġ dirett lil 100,000 impriża żgħira jew ta' daqs medju, l-assistenza lil aktar minn 10,000 impriża fiż-żoni rurali u fondi biex timmodernizza l-infrastrutturi informatiċi pubbliċi.


Mil-bidu tal-pandemija tal-COVID-19, l-UE allokat aktar minn €190 miljun favur l-Ukrajna, bħala appoġġ għall-bżonnijiet immedjati u għall-irkupru soċjoekonomiku kif ukoll €1.2 biljun f'assistenza makrofinanzjarja. L-UE forniet aktar minn 36 miljun oġġett bħala tagħmir ta' protezzjoni personali kif ukoll ambulanzi, tagħmir mediku essenzjali u taħriġ lill-persunal tas-saħħa. F'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, l-UE tipprovdi ikel u mediċini lill-familji vulnerabbli.

Fis-16 ta' Frar 2022, l-Ewroparlamentari approvaw self makrofinanzjarju ta' €1.2 biljun biex jgħinu lill-Ukrajna tkopri l-ħtiġijiet finanzjarji esterni tagħha fl-2022.



Premju Sakharov


Fl-2018 il-Parlament ta l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lil Oleg Sentsov. Ir-reġista u attivista għad-drittijiet tal-bniedem Ukren spiċċa l-ħabs talli pprotesta kontra l-annessjoni mar-Russja tal-Krimea fi Pjazza Indipendenza f'Kiev, iżda nħeles fis-7 ta' Settembru 2019 bħala parti minn skambju ta' priġunieri bejn ir-Russja u l-Ukrajna.



Ir-Russja


F'dawn l-aħħar xhur, ir-Russja saħħet il-preżenza militari tagħha tul il-konfini mal-Ukrajna. F'riżoluzzjoni adottata f'Diċembru 2021, l-Ewroparlamentari stiednu lir-Russja tirtira t-truppi tagħha li jheddu lill-Ukrajna u affermaw li kwalunkwe aggressjoni min-naħa ta' Moska għandha tiġi bi prezz ekonomiku u politiku għoli. Il-Parlament kien diġà esprima tħassib kbir dwar it-tisħiħ tal-forzi militari Russi fil-fruntiera mal-Ukrajna u fil-Krimea okkupata illegalment f'riżoluzzjoni adottata f'April 2021,


Il-membri tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tas-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża (SEDE) marru l-Ukrajna fuq missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni mit-30 ta' Jannar sal-1 ta' Frar 2022.

Fid-dibattitu dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja li sar fis-16 ta' Frar 2022, l-Ewroparlamentari esprimew appoġġ għall-Ukrajna u talbu li tingħata risposta kollettiva għas-sigurtà Ewropea u t-theddida militari tar-Russja fil-konfront tal-Ukrajna. Anki l-President tal-Parlament Roberta Metsola u l-mexxejja tal-gruppi politiċi ħarġu dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna.

Fit-22 ta' Frar Ewroparlamentari prominenti kkundannaw bil-qawwa r-rikonoxximent min-naħa tal-President Russu Vladimir Putin taż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tar-reġjuni ta' Donetsk u Luhansk fl-Ukrajna bħala entitajiet indipendenti.


Jumejn wara, il-President tal-Parlament Roberta Metsola u l-mexxejja tal-gruppi politiċi kkundannaw l-attakk militari Russu fuq l-Ukrajna ftit sigħat wara li seħħ u ħabbru sessjoni plenarja speċjali fl-1 ta' Marzu.

Ara l-kalendarju tagħna ta’ kif l-UE u l-Parlament Ewropew qedjappoġġjaw lill-Ukrajna fl-2023 u kif appoġġaw lill-pajjiż fl-2022.