Il-Parlament japprova skadenza ġenerali ta' 30 jum biex jitħallas kont  

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-Parlament Ewropew approva ftehim milħuq mal-Kunsill li jistabbilixxi skadenza standard ta' 30 jum għall-ħlas ta' kontijiet. Ir-regoli ġodda għandhom jiżguraw li kumpaniji żgħar ma jibqgħux jiffaċċjaw problemi finanzjarji minħabba li jitħallsu tard minna wtoritajiet pubbliċi jew minn kumpaniji oħra.

Ir-regola ġenerali hija li kont għal prodotti jew servizzi għandu jitħallas, kemm mis-settur pubbliku kif ukoll minn dak privat,  fi żmien 30 jum. Derogi minn din ir-regola ġenerali jistgħu jiġu aċċettati biss f'ċirkustanzi speċjali. Wara iktar minn sena ta' negozjati, il-Parlament adotta ftehim milħuq mal-Kunsill b'612-il vot favur, 12 kontra u 21 astensjoni.


L-iskadenza ġenerali għal kuntratti bejn negozjanti kummerċjali hija ta' 30 jum, sakemm ma jkunx dikjarat mod ieħor fil-kuntratt. Jekk iż-żewġ partijiet jaqblu, huwa possibbli li jingħata sa 60 jum ċans biex isir il-ħlas. Il-perjodu ta' ħlas jista' jiġi estiż lil hinn minn 60 jum biss jekk il-kuntratt ikun juri li hemm ftehim ċar bejn iż-żewġ partijiet u sakemm ma jkunx inġust għall-kreditur.


L-iskadenza ġenerali għal kuntratti bejn awtoritajiet pubbliċi u negozjanti kummerċjali wkoll hija ta' 30 jum. Jekk iż-żewġ partijiet ikunu jixtiequ jestendu l-perjodu ta' ħlas, il-kuntratt għandu juri li hemm ftehim ċar bejniethom u din l-estensjoni għandha tkun "oġġettivament ġustifikata". Il-Parlament żgura li l-iskadenza biex isir ħlas minn awtoritajiet pubbliċi qatt ma tista' tkun itwal minn 60 jum, fl-ebda ċirkustanza.


Barra minn hekk, minħabba li ħafna drabi entitajiet pubbliċi tas-saħħa, bħal sptarijiet pubbliċi, ikunu fil-parti l-kbira ffinanzjati permezz ta' rimbors mis-sistemi tas-sigurtà soċjali, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li dawn l-entitajiet ikollhom skadenza sa 60 jum.


Dan it-test issa jeħtieġ li jiġi adottat formalment mill-Kunsill u d-direttiva l-ġdida tidħol fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. Imbagħad l-Istati Membri jkollhom sentejn biex jimplimentaw il-miżuri l-ġodda.