L-MEPs jitolbu ġestjoni aħjar tal-iskart elettroniku 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-Parlament irid regoli aktar stretti għall-volum dejjem jikber tal-iskart tagħmir tal-elettriku u dak elettroniku fl-UE, filwaqt li titnaqqas il-burokrazija għall-kumpaniji. L-MEPs adottaw test leġislattiv li jipproponi miri ġodda għall-ġbir, ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-iskart. Huma rrikmandaw ukoll miżuri iktar b'saħħithom sabiex jevitaw l-esportazzjoni ta' dan l-iskart lejn pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, fejn jistgħu joħolqu periklu għas-saħħa u l-ambjent.

It-test ivvutat jaġġorna r-regoli tal-2003. Issa jmiss li l-Kunsill jikkunsidraw il-pożizzjoni tal-Parlament qabel il-proċedura leġislattiva tgħaddi possibilment  għat-tieni qari.


Miri ta' ġbir


Skont il-Parlament, mill-2016 l-Istati Membri għandhom jiġbru 85% tal-iskart elettriku u elettroniku li jipproduċu. Ippropona wkoll li mill-2012 l-Istati Membri jiġbru 4kg ta' dan it-tip ta' skart għal kull abitant (kif inhu wkoll meħtieġ mir-regoli attwali), jew l-istess ammont ta' skart miġbur fl-2010, skont liema jkun l-akbar.


Biex ma jinħeliex l-iskart


It-trattament xieraq ta' dan it-tip ta' skart jipproduċi benefiċċji għas-saħħa u għall-ambjent u jista' jgħin fl-irkupru ta' materja prima prezzjuża. L-MEPs irrakkomandaw mira ta' riċiklaġġ ta' bejn 50%-75% (skont il-kategorija) u appoġġjaw il-mira ta' użu mill-ġdid ta' 5% tal-iskart.


Ambitu u pannelli solari


Ir-regoli l-ġodda għandhom japplikaw għat-tipi kollha ta' skart elettriku u elettroniku, ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet elenkati, bħal installazzjonijiet u għodda kbira, tagħmir militari u vetturi. L-MEPs iqisu li l-eċċezzjoni għandha wkoll tapplika għal ċelloli fotovoltajiċi użati fil-pannelli solari, peress li r-rimi jitwettaq minn professjonisti u diġa jeżistu miri għall-industrija.


Ir-responsabbiltajiet tal-produtturi u tal-konsumaturi


L-MEPs saħqu li l-piżijiet amministrattivi fuq il-kumpaniji għandhom jitnaqqsu permezz tal-armonizzazzjoni tar-reġistrar u r-rappurta. Huma ssuġġerew ukoll li jitnaqqsu n-numru ta' kategoriji ta' tagħmir elettriku.


Il-produtturi ta' tagħmir elettriku u elettroniku għandhom iħallsu għat-trattament tagħhom. Dawn ġew imħeġġa jirrispettaw ir-regoli tal-ekodiżinn u l-ħolqien ta' prodotti li huma aktar faċli li jissewwew jew li jiġu rriċiklati.


Il-konsumaturi diġà huma intitolati li jarmu  iskart elettriku u elettroniku mingħajr ħlas f'ċentri ta' trattament u għaldaqstant għandhom jiddisġonu minnu b'mod legali. L-MEPs iqisu wkoll li l-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jirritornaw oġġetti żgħar ħafna lill-bejjiegħa. Ħwienet żgħar ħafna għandhom ikunu eżentati. Il-Kummissjoni hija mistennija tagħti definizjoni ta' ħwienet żgħar ħafna 'l quddiem.


Esportazzjonijiet illegali


Volumi kbar ta' skart jiġu ddikjarati b'mod qarrieqi bħala skart li jkun jista' jerġa' jintuża u għaldaqstant jiġi esportat illegalment għal trattament f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, fejn spiss jiġi pproċessat f'kundizzjonijiet perikolużi, anki minn tfal. L-MEPs appoġġjaw il-proposti tal-Kummissjoni għal spezzjonijiet aktar stretti tal-esportazzjonijiet, u saħqu li l-esportatur għandu jieħu fuqu r-responsabbiltà li juri li l-merkanzija tassew tkun tista' terġa' tintuża.