Schengen: il-Bulgarija u r-Rumanija m'għandhomx ikunu ostaġġi tal-populiżmu 

Stqarrija 
Is-sessjoni plenarja 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Skont il-Parlament Ewropew, l-Istati Membri għandhom jevitaw il-populiżmu nazzjonali u jiddeċiedu fuq l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija fiż-żona ta' Schengen biss fuq bażi tal-kriterji eżistenti. L-MEPs talbu lill-Kunsill Ewropew biex jadotta l-miżuri neċessarji ħalli ż-żewġ pajjiżi jkunu jistgħu jingħaqdu ma' din iż-żona tal-UE mingħajr kontrolli fil-fruntieri.

Wara d-deċiżjoni tal-Olanda u l-Finlandja li jżommu lura lill-Bulgarija u r-Rumanija, il-Parlament adotta riżoluzzjoni li terġa' tappoġġja l-inklużjoni taż-żewġ pajjiżi fiż-żona ta' Schengen. L-MEPs fakkru li ż-żewġ pajjiżi jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha għall-adeżjoni u għalhekk saħqdu li l-Istati Membri għandhom jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom biss fuq il-qafas legali ta' Schengen. Għaldaqstant, il-Parlament stieden lill-Istati Membri biex jonoraw l-impenji tagħhom u "ma jagħtux prijorità lill-populiżmu nazzjonali".


Il-Parlament innota wkoll "l-appoġġ u s-solidarjetà kontinwi murija mill-Bulgarija u r-Rumanija bħala sħab affidabbli fix-Xlokk tal-Ewropa, flimkien mal-kontribut kontinwu tagħhom għas-sigurtà tal-fruntieri f'din il-parti tal-UE."


Il-President tal-Parlament Ewropew Jerzy Buzek qal: "Ir-Rumanija u l-Bulgarija jistħoqqilhom li jkunu membri taż-żona ta' Schengen. Dawn il-pajjiżi ssodisfaw il-kriterji rikjesti kollha. Il-fruntieri tagħhom huma siguri. Inħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jieħdu d-deċiżjoni tagħhom fuq it-tkabbir taż-żona Schengen biss fuq il-bażi tal-acquis u l-proċeduri ta' Schengen. Il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom ikunu jistgħu jibqgħu joqgħodu fuq is-solidarjetà u l-ġustizzja mill-imsieħba tagħhom tal-UE."