Il-Parlament jitlob miżuri urġenti biex titnaqqas il-ħela tal-ikel bin-nofs 

Stqarrija 
Is-sessjoni plenarja 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Kull sena jinħela nofs l-ikel disponibbli fid-djar, fis-supermarkets u fir-ristoranti fl-UE, waqt li 79 miljun ċittadin tal-UE jgħix fil-faqar u 16 miljun ruħ tiddependi fuq ikel minn istituti tal-karità. Il-Parlament adotta riżoluzzjoni li permezz tagħha qed jitlob li jittieħdu miżuri urġenti sabiex il-ħela tal-ikel fl-UE titnaqqas bin-nofs sal-2025, waqt li jittejjeb l-aċċess għall-ikel għaċ-ċittadini fil-bżonn.

Għaldaqstant, l-MEPs iqisu li għandhom jiġu mnieda kampanji ta' informazzjoni kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali sabiex il-pubblika jsir iktar konxju ta' kif tista' tiġi evitata l-ħela tal-ikel. L-Istati Membri għandhom jitroduċu korsijiet apposta fl-iskejjel u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom. Huma pproponew li s-sena 2014 tkun is-sena Ewropea kontra l-ħela tal-ikel.


Sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn ikel jinbiegħ viċin wisq tad-data ta' skadenza, li jista' jwassal għall-ħela, l-MEPs iqisu li jistgħu jiġu introdotti tiketti li juru kemm id-data sa meta jista' jinbiegħ l-ikel kif ukoll id-data sakemm jista' jittiekel.


Barra minn hekk, il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jixtru eżatt l-ammont ta' ikel li għandhom bżonn. Għalhekk l-ikel għandu jiġi ppakkjat f'daqsijiet differenti u f'materjal li jżomm l-ikel għal żmien itwal. Ikel li jkun kważi se jiskadi għandu jinbiegħ irħas.


L-MEPs jgħidu wkoll li r-regoli ta' akkwist pubbliku għandhom jiffavorixxu kumpaniji tal-catering li jużaw prodotti lokali u li jagħtu l-ikel li jkun baqa' żejjed lil nies foqra minflok ma jarmuh. Il-ħela tal-ikel għandha tiġi evitata anke fil-każ ta' miżuri li jinkoraġġixxu l-konsum tal-frott u tal-ħalib fl-iskejjel.