Sport: kontra l-vjolenza, l-aġenti korrotti u x-xiri tal-logħob  

Stqarrija 
Is-sessjoni plenarja 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

L-MEPs adottaw riżoluzzjoni li titlob li tittieħed azzjoni aktar koordinata fil-livell tal-UE kontra l-vjolenza fl-istadiums, id-doping, ix-xiri tal-logħob u l-imħatri llegali. Huma jqisu wkoll li atleti żgħażagħ għandu jkollhom l-opportunità li jkomplu jistudjaw.

Skont l-MEPs, partitarji vjolenti għandhom jiġu pprojbiti milli jidħlu fl-istadiums tal-UE. Lista Ewropea ta' dawn il-persuni tkun tista' tagħmilha possibbli li jattendu logħob internazzjonali fit-territorju ta' Stati Membri differenti. Għandhom ukoll jittieħdu miżuri kontra l-omofobija u r-razziżmu fir-rigward tal-atleti.


Huma jqisu li għandu jkun hemm tolleranza żero lejn kull tip ta' korruzzjoni u frodi fl-isport, waqt li d-doping, ix-xiri tal-logħob u l-frodi fiskali għandhom jibdew jitqiesu bħala atti kriminali. Għandha wkoll tinħoloq sistema ta' liċenzji għall-operaturi tal-imħatri.


Barra minn hekk, għandu jinħoloq reġistru Ewropew ta' aġenti professjonisti, b'lista ta' atleti li jkunu jaħdmu għalihom sabiex tiżdied il-protezzjoni tagħhom. Sabiex jiksbu liċenzja, dawn l-aġenti għandhom juru li jkollhom kwalifiki xierqa, li jkollhom ir-residenza fiskali tagħhom fit-territorju tal-UE u jkunu soġġetti għal sistema Ewropea ta' liċenzji, kif ukoll kodiċi ta' kondotta Ewropew.


Ir-riżoluzzjoni tgħid ukoll li l-UE għandha telimina l-ostakoli kollha li t-tfal bniet u n-nisa jistgħu jiffaċċjaw fid-dinja tal-isports, waqt li għandu jkun hemm rappreżentazzjoni aħjar tan-nisa fil-korpijiet governattivi tal-isports. L-MEPs huma tal-fehma li l-fatt li ċertu ġenituri ma jħallux lit-tfal bniet tagħhom jieħdu sehem fl-isports fl-iskejjel, speċjalment fil-każ ta' familji immigrati, ma jistax jiġi tollerat jew skużat għal raġunijiet kulturali jew reliġjużi.


Huma jqisu wkoll li atleti żgħażagħ għandu jkollhom l-opportunità li jkomplu jistudjaw u li l-kwalifiki u l-esperjenzi atletiċi tagħhom għandhom jintagħrfu fuq livell Ewropew sabiex kemm l-atleti u t-trainers ikunu jistgħu jieħdu sehem fi programmi bħal dak tal-Erasmus.