Il-Parlament jappoġġja l-programm ta' għajnuna tal-ikel għall-persuni mċaħħda 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

L-MEPs approvaw pjan biex jiġi salvat il-programm ta' għajnuna alimentari għal ċittadini tal-UE fil-bżonn. Għaldaqstant, dan il-programm - li bħalissa jipprovdi ikel għal 18-il miljun ruħ li jgħixu fil-faqar f'20 Stat Membru - se jibqa' jitħaddem sal-aħħar tal-2013 b'baġit annwali ta' 500 miljun ewro.

L-iskema għad-distribuzzjoni tal-ikel b'xejn liċ-ċittadini tal-UE l-aktar fil-bżonn, ġie mniedi fl-1987 fi ħdan il-Politika Agrikola Komuni. Fil-bidu, l-ikel  kien jiġi minn ħażniet ta' intervenzjoni tal-Politika Agrikola, iżda meta dawn bdew jonqsu, l-iskema bdiet tiddependi iktar u iktar fuq xiri mis-suq. Iżda f'April 2011, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ddeċidiet li ma setax jibqa' jinxtara ikel mis-suq u li kellu jintuża biss l-ikel mill-ħażniet tal-Politika Agrikola. Li kieku ma ttieħdet l-ebda azzjoni, il-fondi għal din l-iskema kien ikollhom jitnaqqsu minn 500 miljun ewro fl-2011 għal 133 miljun ewro fl-2012.


F'Lulju 2011, biex jiġi evitat dan it-tnaqqis qawwi fl-għajnuna tal-ikel fi żmien meta n-numru ta' nies fil-bżonn fl-UE qed jiżdied, il-Parlament adotta riżoluzzjoni li kienet titlob soluzzjoni ta' tranżizzjoni. Proposta għall-aġġornament tar-regolament li tagħmilha possibbli biex l-ikel jinxtara mis-suq, kienet ġiet imwaqqfa mill-Kunsill sa Novembru li għadda, meta l-Ġermanja qablet li tappoġġja t-tkomplija tal-isema b'fondi xierqa, sal-aħħar tal-2013.