Il-Parlament jitlob kwoti biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika u l-kummerċ
Il-Parlament adotta proposti biex titnaqqas id-differenza bejn il-pagi tan-nisa u l-irġiel u biex jiġi introdott l-użu ta' kwoti biex jiżdied in-numru ta' nisa fil-bordijiet ta' kumpaniji u ta' korpi politiċi.
L-MEPs enfasizzaw mill-ġdid il-pożizzjoni tagħhom biex jiġu adottati liġijiet li jiżguraw li n-nisa u l-irġiel jitħallsu ndaqs għall-istess xogħol permezz tar-riżoluzzjoni mħejja minn Sophia in't Veld (ALDE, NL) fuq ir-rapport annwali tal-Parlament dwar l-ugwaljanza tas-sessi fl-UE fl-2011 (adottata b'361 vot favur, 268 kontra u 70 astensjoni). F'dawn l-aħħar snin, id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel naqset bi ftit biss. Il-medja tan-nisa fl-UE taqla' 17.5% inqas mill-irġiel. L-MEPs talbu li tiġi stabbilita mira biex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn is-sessi b'10% f'kull Stat Membru tal-UE. Barra minn hekk, għandu jkun hemm monitoraġġ regolari tal-miżuri meħuda u azzjoni korrettiva meta ma jintlaħqux il-miri stabbiliti.
Jekk il-Kummissjoni tqis li l-miżuri nazzjonali mhumiex adegwati, din ġiet mitluba tipproponi liġijiet ġodda għall-introduzzjoni ta' kwoti biex tingħata spinta lill-rappreżentanza femminili fi rwoli korporattivi, bil-mira li tiżdied b'30% sal-2015 u 40% sal-2020. Fl-UE bħalissa, 12% biss tal-impjiegi maniġerjali huma f'idejn in-nisa, waqt li 3% biss imexxu f'bord ta' kumpanija.
Riżoluzzjoni oħra, imħejja minn Sirpa Pietikäinen (EPP, FI), għandha l-mira li tippromwovi l-ugwaljanza tas-sessi fit-teħid ta' deċiżjonijiet fil-qasam politiku (adottata b'508 voti favur, 124 kontra u 49 astensjoni). Franza, Spanja, il-Belġju, is-Slovenja, il-Portugall u l-Polonja diġà introduċew kwoti elettorali b'suċċess. Għalhekk l-MEPs iqisu li l-kwoti nazzjonali għandhom jiġu kkunsidrati mill-Istati Membri kollha. Hemm ukoll bżonn ta' miżuri vinkolanti u sanzjonijiet kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew bl-għan li tkun żgurata l-ugwaljanza tas-sessi fit-teħid ta' deċiżjonijiet fil-qasam politiku, inklużi l-listi elettorali u l-pożizzjonijiet imlaħħqa tal-UE.
Sabiex jitjieb il-bilanċ bejn is-sessi fl-Istituzzjonijiet tal-UE, l-MEPs ħeġġew lill-Istati membri biex wara l-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 jipproponu kemm mara kif ukoll raġel bħala kandidati għall-Kummissjoni Ewrepea. Filwaqt li 35% tal-MEPs huma nisa, r-rappreżentanza medja tas-sess femminili madwar il-parlamenti nazzjonali fil-pajjiżi rispettivi tal-UE tibqa' ta' 24%. 23% biss tal-ministri fl-UE huma nisa.
Permezz tar-riżoluzzjoni dwar ir-rapport annwali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-Parlament talab ukoll biex il-mexxejja politiċi u reliġjużi jappoġġjaw bis-sħiħ il-Miri ta' Zvilupp għall-Millenju (MDGs) fil-qasam tas-servizzi għas-saħħa sesswali u reproduttiva, waqt li tiġi implimentata r-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti biex jiġi żgurat aċċess għall-abort għal nisa u bniet li huma vittmi ta’ stupru f’kunflitti armati.
L-MEPs iqisu wkoll li l-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni dwar il-proposta għal Direttiva dwar il-leave maternali, sabiex ikun żgurat li dan ikun imħallas madwar l-UE kollha.
Kuntatti:
-
Corinne CORDINA
-
Massimo FARRUGIA
-
Federico DE GIROLAMO