Differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa: bżonn ta' sanzjonijiet iktar iebsa  

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-Parlament ħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex ittejjeb il-liġi eżistenti tal-UE biex titneħħa d-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa, inkluż permezz ta' sanzjonijiet iktar iebsa għal min iħaddem. L-MEPs adottaw riżoluzzjoni li tgħid li l-medja tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi fl-UE hija ta' 16.4%. F'ċerti Stati Membri, id-differenza qiegħda saħansitra tikber.

Permezz tat-test adottat, l-MEPs talbu lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri għat-tnaqqis fil-pagi bejn is-sessi fil-politiki rilevanti kollha tal-UE u fil-programmi nazzjonali. Huma talbu wkoll li l-gvernijiet nazzjonali jsaħħu l-koperazzjoni u jiżviluppaw ideat ġodda ħalli tiġi indirizzata din il-kwistjoni.


Skont ċifri tal-Eurostat, l-ikbar differenzi fil-pagi bejn ħaddiema rġiel u nisa jinsabu fl-Awstrija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja u s-Slovakkja. Mill-banda l-oħra, il-Belġju, l-Italja, Malta u s-Slovenja għandhom l-inqas differenzi fil-pagi.


Minħabba n-nuqqas ta' progress li sar s'issa, l-MEPs ħeġġew lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-leġislazzjoni eżistenti b'sanzjonijiet xierqa għal dawk li jħaddmu, li jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi. Dawn jistgħu jkunu jinkludu l-impożizzjoni ta' penali, multi amministrattivi jew skwalifika minn sussidji u benifiċċji pubbliċi.