Skont il-Membri tal-PE l-ippuljar b’attenzjoni tad-dejn sovran huwa tajjeb għall-euro 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Nhar l-Erbgħa ġiet adottata riżoluzzjoni biex tinżamm il-pressjoni fuq il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jesploraw kull possibilità ta’ ppuljar tad-dejn sovran. It-test jafferma li l-preokkupazzjonijiet ta’ parassitiżmu jistgħu jingħelbu permezz ta’ soluzzjonijiet imfassla b’attenzjoni, u għaldaqstant l-ippuljar tad-dejn ma għandux għalfejn ikun awtomatikament tabù. Jinnota wkoll li ż-żona tal-euro hija unika minħabba li għandha munità unika, iżda ma għandha l-ebda suq tal-bonds komuni.


Ir-riżoluzzjoni miktuba mill-Franċiża Liberali Sylvie Goulard u adottata b'turija tal-idejn, tistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar possibilitajiet varji għall-ippuljar tad-dejn, u possibilment takkumpanja dan ir-rapport bi pjan direzzjonali għall-introduzzjoni tagħhom.


Il-Membri tal-PE jappoġġaw it-twaqqif ta' Fond Ewropew ta' Ammortament


Ir-riżoluzzjoni tistipula possibilitajiet varji. Xi wħud jistgħu jiġu implimentati immedjatament jew fuq terminu ta’ żmien medju bħall-Fond Ewropew ta’ Ammortament, filwaqt li l-ħruġ komuni ta’ dejn nazzjonali jew il-ħolqien ta’ dejn Ewropew ikun jirrikjedi tibdil fit-Trattat.


Unjoni monetarja tinvolvi affarijiet ulterjuri


Ir-riżoluzzjoni tinnota li ż-żona tal-euro tinsab fis-sitwazzjoni unika fejn għandha munità komuni iżda ma għandha l-ebda suq tal-bonds komuni jew politika baġitarja komuni.  L-istabilità tal-blokk tal-euro għaldaqstant tiddependi fuq

it-tlestija ta’ din l-unjoni, li għandu jkollha effett pożittiv fuq is-swieq finanzjarji. 


Proċedura:  Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva